Dawk kollha li joqogħdu fil-belt Awstraljana ta’ Sydney ħarġu jiċċelebraw, hekk kif mat-tokki ta’ nofsilejl tnaqqsu numru ta’ restrizzjonijiet b’rabta mal-imxija, għall-persuni li huma kompletament imlaqqma kontra l-COVID-19, wara kważi erba’ xhur ta’ lockdown.
Tant illi bosta ħwienet, li fetħu f’nofsilejl speċifikament għall-okkażżjoni, kellhom sriebet ta’ nies quddiemhom jistennew biex jieħdu wieħed mis-servizzi li joffru.
Ħafna oħrajn reġgħu żaru lill-qrabathom li kienu ilhom xhur ‘il bogħod minnhom, hekk kif waħda mir-restrizzjonijiet kienet illi persuni ma jistgħux jivvjaġġaw aktar minn ħames kilometri.
In-nies issa jistgħu fost oħrajn igawdu ikliet ġo ristoranti u kafetteriji, imorru l-gyms, libreriji u pixxini u anke jieħdu servizzi mingħand barbiera u ħwienet tal-isbuħija. Dawn tal-aħħar kellhom kju twil ta’ nies biex jinqdew.