Il-midja fl-Awstralja qed tirrapporta li familja minn kull erbgħa f’dak il-pajjiż qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kontijiet tad-dawl, u anki dawk tal-gass.
Ir-rapporti qed iwissu li, hekk kif fil-pajjiż bdiet dieħla x-xitwa, iż-żidiet li qed ikun hemm fil-kontijiet se jagħmlu l-ħajja ta’ dawn il-familji saħansitra aktar iebsa.
Ir-rapporti qed iwissu wkoll li meta n-nies ma jsaħħnix djarhom biex jiffrankaw jew inkella jaqtgħulhom il-provvista tad-dawl għax ma jkunx irnexxielhom iħallsu l-kontijiet, dan jhedded is-saħħa u l-benesseri tal-familji. Dan, imbagħad, itaqqal il-piż fuq is-sistema tas-servizzi tas-saħħa.
Il-midja Awstraljana qed tirrapporta wkoll fuq l-hekk imsejjaħ faqar fl-enerġija (energy poverty). Qed jiġi kkwotat studju tal-ġurnal internazzjonali ‘Energy Research & Social Science’, li jiżvela aspetti ta’ vulnerabbiltà moħbija fil-qasam tal-enerġija f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Tinxtegħel bozza ħamra, ngħidu aħna, dwar familji li qed jagħżlu li ma jsaħħnux djarhom jew ma jixgħelux id-dawl – jew inkella jżommu dan kollu f’livell kemm jista’ jkun minimu – biex jevitaw li jaslu f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jaffordjaw il-kontijiet li jiġuhom.
Issir referenza wkoll għal nies li qed jagħżlu li jagħmlu użu minn faċilitajiet pubbliċi, bħal doċċi, jew li qed jaqsmu faċilitajiet ma’ familji oħrajn biex imbagħad jaqsmu kont wieħed bejniethom.
Ritratt: Forbes