Childcare worker Awstraljan ġie akkużat li abbuża sesswalment minn 91 tifla, f’1,600 każ differenti, bejn l-2007 u s-sena li għaddiet f’għadd ta’ ċentri għall-kura tat-tfal f’Sydney, Brisbane u anke barra l-pajjiż.
Ir-raġel ta’ 45 sena, li ismu għadu ma ssemmiex, iżda hu magħruf li joriġina mill-Gold Coast fi Queensland, jinsab akkużat li ffilmja l-atti sesswali mal-minuri u saħansitra xerred il-materjal online. Fil-fatt fuq l-apparat elettroniku tiegħu nstabu mal-4,000 ritratt u filmati indiċenti tal-vittmi tiegħu.
Il-Pulizija temmen li 87 mit-tfal Awstraljani li ġew irrekordjati fl-abbużi ġew identifikati u qed jaħdmu ma’ msieħba internazzjonali biex jiġu identifikati erbgħa oħrajn li ġew abbużati barra l-pajjiż.
Il-pulizija tenniet li r-raġel, li qed jiffaċċja mijiet ta’ akkużi f’daqqa, uħud minnhom tal-ogħla gravità, ilu fil-kustodja tagħha mindu ġie arrestat u akkużat diġà b’numru ta’ abbużi sesswali f’Awwissu tal-2022.
L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li dan il-każ hu wieħed mill-agħar li qatt raw fl-istorja. L-akkużat mistenni jiffaċċja l-Qorti tal-Maġistrati ta’ Brisbane fil-21 t’Awwissu li ġej u, kemm-il darba jinstab ħati tal-akkużi, jista’ jeħel sentenza ta’ għomor il-ħabs.