Fl-Amerka n-numru ta’ persuni mejta wara li kienu infettati bil-Coronavirus qabeż il-ħamsin elf.
Intant l-ebda ċirkostanza m’għandu jintuża diżinfettant bħala trattament għall-COVID-19. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru tul il-jum tal-Ġimgħa minn bosta produtturi u professjonisti mediċi, wara li f’konferenza tal-aħbarijiet il-President Amerikan Donald Trump qal li d-diżinfettant jista’ b’xi mod jintuża bħala trattament għall-pandemija.
Fir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat mietu sitt mija u erbgħa u tmenin persuna.
Dan minkejja li l-pajjiż qed jipprova jżid l-ammont ta’ testijiet li jsiru kuljum. Fl-istess ħin fir-Repubblika Ċeka qed jibdew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet, biex issa l-persuni jistgħu joħorġu fil-pubbliku fi gruppi ta’ għaxra.
Bosta Musulmani se jkunu kostretti jsegwu x-xahar tar-Ramadan bis-sawm biss minħabba restrizzjonijiet imposti biex jilqgħu għall-pandemija.