Uffiċjali tal-Gvern Amerikan ivvutaw favur l-għoti tal-vaċċin tal-Pfizer lil tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena.
L-esperti tal-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini, l-FDA, appoġġjaw dan il-pass, li se jfisser li fi ftit ġimgħat, il-vaċċin jibda jingħata lil din il-faxxa ta’ etajiet f’każijiet ta’ emerġenza.
F’Settembru, il-kumpanija qalet li l-ewwel informazzjoni turi li t-tilqima hija sigura għal tfal ta’ dawn l-etajiet.
Preżentament, il-vaċċin fl-Istati Uniti qed jingħata lil tfal li għandhom aktar minn tnax-il sena u din id-deċiżjoni mistennija taffettwa mat-tmienja u għoxrin miljun tifel u tifla Amerikani.
Id-deċiżjoni jonqosha biss approvazzjoni oħra mill-FDA u miċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard. Dawn mistennija jingħataw fit-tnejn ta’ Novembru, li jfisser li t-tilqim lit-tfal żgħar kapaċi jibda l-għada stess.