Sa issa diġà sar investiment ta’ tnax-il miljun ewro f’infrastruttura għal kontra l-għargħar. Investiment li sarraf f’47 kilometru ta’ katusi u kanali ġodda u 14-il ġibjun fi tliet snin.
ONE News tkellem mal-Perit Raphael Abdilla, li spjegalna kif dawn is-sistemi qed jipprevenu l-ħela tal-ilma tax-xita.
Huwa qal li “s’issa sar investiment ta’ tnax il-miljun f’dawn l-aħħar tliet snin. Bażikament kull triq illi nagħmlu naħsbu għal sistemi ta’ xita. Ikun hemm sistemi ta’ ġbir tal-ilma li fl-aħħar dan imur jew lejn il-ġibjun biex jiġi stivat u użat minn bdiewa, minn kuntratturi ta’ landscaping biex jużaw biex isaqqu l-areas ta’ landscaping pubbliċi li jkun hemm fil-qrib u li jmur lejn l-ilma tal-pjan biex jiġi riġenerat il-water table.”
Il-Perit Abdilla spjega kif ma’ kull proġett infrastrutturali f’pajjiżna qed isir xogħol sabiex l-ilma tax-xita jkun amministrat sew.
L-investiment fil-fatt jinkludi mijiet ta’ spralli ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita mit-toroq lejn il-katusi taħt l-art, l-installazzjoni ta’ hydrodynamic separators biex isaffu l-ilma qabel jinħażen fil-ġibjuni jew imur fil-widien, it-tħaffir ta’ soak aways, xogħlijiet ta’ titjib ta’ spralli, katusi u kanali antiki, tiswijiet ta’ ġibjuni eżistenti u anke l-bini ta’ ġibjuni ġodda.
Saħaq li “hemm proġetti kbar illi saru bħal Marsa u Santa Luċija li jiġbru dan l-ilma u huma mgħammrin bil-ġibjuni li saru max-xogħol. Għandek ukoll proġetti residenzjali fejn jiġi maħsub li l-catchments li jsiru taħt il-bankina jiġbru l-ilma tax-xita u jeħduh fil-postijiet fejn ma jgħerqux residenzi.”
Bħalissa, fost postijiet oħrajn, l-aġenzija Infrastructure Malta qed tagħmel xogħlijiet għall-ġbir tal-ilma tax-xita ta’ madwar nofs kilometru fi Triq Sant’Andrija bejn Pembroke u San Ġiljan, kif ukoll max-xatt ta’ Sa Maison, Tal-Pietà.
Għaddejjin ukoll xogħlijiet fin-Naxxar.
“Proġett ieħor huwa n-niżla tan-Naxxar, Vjal il-labour, bażikament dik it-triq hija, hemm sistemi fejn inbniet it-triq mill-ġdid u fil-ġnub qed isiru sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita. Bħalissa għaddejjin billi nagħmlu pipeijiet kbar u qed nistennew catchements li jkunu jistgħu jiġbru iktar ilma b’mod effiċjenti” spjega l-Perit.
Huwa stqarr kif minkejja li sar ħafna fl-aħħar tliet snin, l-aġenzija xorta waħda tirrikonoxxi li fadal ħafna xi jsir u li fost l-oħrajn għad hemm żoni fejn l-ilma tax-xita għadu jakkumula, bħax-xatt tal-Imsida.
Dwar dan stqarr kif il-proġett li hemm pjanat għal din iż-żona ser jaħseb għal soluzzjonijiet sostennibbli kontra l-għargħar f’dawn l-akwati.