11.04: Toħroġ stqarrija li tgħid: Iridu lil Delia jirtira l-kandidatura; jgħidu li sabuh ĦATI
10.50: Wasal quddiem id-Dar Ċentrali Adrian Delia, li qal li niżel id-Dar Ċentrali biex jara x’se jkun ir-riżultat tal-laqgħa tal-kunsill amministrattiv. “Għamilt ġurnata niltaqa’ mal-kunsillieri,” qal Delia. Mitlub jikkummenta fuq l-ittra anonima fil-konfront ta’ Alex Perici Calascione, Adrian Delia qal li ċempel lil Perici Calascione u wera solidarjetà. Peró meta mistoqsi biex jirreaġixxi dwar kummenti tal-kandidat l-ieħor li għadda botti li indikaw li seta’ kien qed iwaħħal f’Delia, l-istess Delia qal li ried jisma’ hu x’qal Perici Calascione qabel jikkummenta.
10.35: Saru l-għaxra u nofs ta’ filgħaxija. Iktar minn tliet sigħat u nofs wara li kienet skedata li tibda l-laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv, din il-laqgħa, li bdiet tard, għadha għaddejja.
Tagħrif li għandna mid-Dar Ċentrali jgħid li dan jindika li l-laqgħa hi waħda fejn hemm nuqqas ta’ qbil dwar x’passi għandhom jittieħdu minn issa ‘l quddiem wara li l-Kumitat tal-Etika, immexxi minn Louis Galea, għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
20.47: Bdiet ftit tal-minuti ilu l-laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista li ssejħet illejla biex tiddiskuti rapport minn Kumitat ta’ Etika li nħatar biex jinvestiga lil Adrian Delia, wieħed mill-kandidati. Għalkemm imbagħad daħal ukoll f’allegazzjonijiet oħra fuq kandidati oħra u sejjaħ lill-erba’ kandidati kollha kemm huma.
L-atmosfera barra u ġewwa d-Dar Ċentrali hi waħda ta’ stennija, għalkemm hemm inqas nies minn meta nhar it-Tnejn Adrian Delia organizza folla biex tappoġġjah fid-deher.
Fost dawk li hawn għal-laqgħa hemm il-kap caretaker Simon Busuttil li iktar kmieni matul il-jum għamilha ċara li se jibqa’ membru parlamentari.
Simon Busuttil, bħal membri oħrajn tal-amministrattiv, ilu li wasal. Iżda x-xogħol tal-amministrattiv ma setax jibda qabel il-kumitat tal-etika u li kellu jinvestiga, immexxi minn Louis Galea u magħmul minn nies qrib Simon Busuttil, ilesti r-rakkomdazzzjonijiet tiegħu.