Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jinforma li d-data tal-għeluq għar-Reġistri Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f’Ottubru, hija t-30 ta’ Settembru 2023.
Il-persuni Maltin kollha u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena ‘l fuq,li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’April 2023, għandhom japplikaw la darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji.
Huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jiżguraw li d-dettali personali tagħhom fir-Reġistru Elettorali ta’ April 2023 huma korretti. Il-votanti Għandhom jaraw ukoll li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom jidhru sewwa fir-reġistri.
Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil jew korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu dan billi japplikaw għall-karta tal-identità fl-Uffiċċju tal-ID Cards għaċ-ċittadini Maltin u Residence Cards għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi.Wieħed jista’ jikseb aktar minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni Elettorali www.electoral.gov.mt.
L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi l-applikazzjonijiet iridu jaslu għand il-Unit tal-Espatrijati, Castagna Building, Triq il-Wied, L-Imsida jew Residence Card Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru.