Sal-aħħar tax-xahar id-dieħel ser tkun qed tinfetaħ l-ewwel triq ġdida tal-proġett massiċċ tas-Central Link b’investiment ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro.
Din se tkun karreġjata b’żewġ korsiji li minn Ħal Balzan twasslek għall-inħawi ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard, fejn il-ħaddiema ġa bdew jiksuha bl-asfalt wara li aktar kmieni din is-sena ffurmaw l-istruttura tagħha u għaddew is-sistemi ta’ servizz minn taħt l-art.
Fuq il-lant tax-xogħol l-Inġinier tal-proġett Robert Schembri spjega l-aħħar xogħlijiet li qed isiru biex it-triq eventwalment tkun tista’ tinfetaħ.
Huwa stqarr: “Ħafna mix-xogħlijiet li saru ma jkunux jidhru, jiġifieri għaddejna sistemi ġodda ta’ drenaġġ, sistemi ġodda ta’ storm water, communication, u dak kollu li jirrikjedi ilma. Fil-fatt bħalissa xogħol fuq konnessjoni importanti ħafna li tiġi warajna fit-triq illi kienet tieħdok għal Ħaż-Żebbuġ.”
Fl-istess waqt, dawn il-korsiji ġodda jiftħu spazji ġodda għal bankini aktar wesgħin, infrastruttura aktar sigura biex taqsam it-triq, waqfiet aħjar għall-karozzi tal-linja, korsiji ġodda għar-roti mifrudin mit-triq u aktar żoni msebbħin b’siġar u pjanti.
L-Inġinier Schembri saħaq li b’din il-karreġjata l-ġdid se jittaffa’ mill-piż tat-traffiku li x-xuffiera kienu jsibu ta’ kuljum.
Huwa kompla jispjega: “Din il-karreġjata ħa tevita li issa kull min sejjer lejn ir-Rabat ħa jgħaddi minn ġo nofs Ħal Balzan u Ħ’Attard. Allura se tħaffef it-traġitt ta’ min irid imur lejn in-North u tevita li n-nies jgħaddu minn ġo Ħ’Attard.”
Dan l-investiment se jwassal ukoll għal titjib kbir fil-kwalità tal-arja f’diversi żoni residenzjali tal-madwar fl-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Fil-fatt, il-proġett se jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu.
Dan huwa wieħed mill-fatturi prinċipali tat-tniġġis mill-vetturi, u waħda mill-kawżi ewlenin ta’ mard respiratorju.