Fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu, mistenni jibda l-ġbid tal-film Jurassic World: Dominion f’Malta.
L-aħbar li partijiet minn dan il-film blockbuster se jinġibdu f’pajjiżna, kienet ħarġet fil-bidu ta’ din is-sena, bil-ġbid kien mistenni jibda f’Mejju li għadda.
Iżda minħabba l-pandemija tal-COVID-19 – li laqtet lid-dinja kollha – dan ġie pospost.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega li fl-aħħar xhur, il-Kummissjoni tal-Films f’Malta ħadmet b’sinerġija sħiħa mal-awtoritajiet tas-saħħa biex isiru l-arranġamenti meħtieġa u jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex il-pjanijiet jissuktaw mill-aktar fis.
“Ta’ min jgħid li l-istudios għandhom il-protokolli tagħhom, jiġifieri huma stretti u allura huwa fl-interess tagħna li nattiraw u nkomplu l-films lejn pajjiżna waqt li nħarsu s-saħħa ta’ pajjiżna, taċ-ċittadini kif ukoll l-artisti u d-diretturi u l-crew li jiġu minn pajjiżi oħra, ikunu wkoll siguri.”
Il-Kummissarju tal-Films spjega li hemm kuntatt kontinwu ma’ diversi entitajiet fosthom il-Kunsilli Lokali tal-Belt, tal-Birgu, ta’ Pembroke u tal-Mellieħa, li mistennija jkunu l-lokalitajiet ewlenin fejn se jinġibdu partijiet mill-film.
B’sodisfazzjon innota li l-poplu Malti laqa’ b’mod tajjeb ħafna l-aħbar li film ta’ din il-portata se jinġibed f’Malta.
“Pajjiżna huwa film-friendly. Ir-residenti jikkoperaw ħafna, qed naħdmu qrib kull Kunsill Lokali, biex nassiguraw li l-arranġamenti loġistiċi tal-film, jimxi kollox ħarir.”
Fakkar kif Jurassic World 3 biss, huwa film multi-muljinarju li se jara l-parteċipazzjoni ta’ madwar elf persuna f’Malta u allura l-impatt ekonomiku tas-sensiela ta’ films li se jiġu pajjiżna fix-xhur li ġejjin, huwa bla preċedent.
“Jiena ottimist li l-industrija tal-films se tkun waħda mill-ewwel industriji f’pajjiżna li se tirpilja. Li se nkomplu nirnexxu biex nikkreaw aktar xogħol għal kull min irid jidħol f’din l-industrija.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li “l-Kumissjoni Maltija għall-Films qed tistenna 9 produzzjonijiet internazzjonali għal din is-sena. Bl-ewwel produzzjoni tkun Jurassic World: Dominion, proġetti oħra multi miljunarji ser jitkomplew matul din is-sena, b’investiment kbir fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan ifisser li anke ser naraw effetti pożittivi anke fil-ħolqien t’impjiegi f’pajjiżna”.