Ir-rata ta’ qtil f’Malta niżlet mill-elfejn u tnax lil hawn. Skont statistika tal-EUROSTAT, l-ogħla rata ta’ qtil irrappurtata f’dawn l-aħħar snin kienet fl-elfejn u tnax. F’dik is-sena kienu ġew irappurtati għaxar omiċidji.
Fis-snin ta’ wara, in-numru ta’ omiċidji naqsu, bl-elfejn u sbatax, kienet sena ta’ nota għaliex saru disa’ omiċidji, wieħed inqas minn dak li ġara seba’ snin ilu. L-istatistika tal-EUROSTAT tgħid li fl-elfejn u sbatax kien hemm fuq ħames t’elef omiċidju fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-ogħla rata ta’ omiċidji għal kull mitt elf ruħ kienu rreġistrati fil-pajjżi Baltiċi, jiġifieri l-Latvja, il-Litwanja u l-Estonja.
Il-EUROSTAT jgħid wkoll li bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u għaxra f’Malta kien hawn medja ta’ erba’ mitt serqa mill-karozzi. Bejn l-elfejn u ħmistax u l-elfejn u sbatax dawn naqsu b’mod drastiku fejn il-medja tas-serq mill-karozzi niżel għal kważi mitjen u sebgħin.
Dan it-tnaqqis kien rifless ukoll madwar l-Unjoni Ewropea hekk kif il-medja ta’ serq fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea niżlet minn miljun każ bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u għaxra għal kważi seba’ mitt elf fl-aħħar sentejn.
L-ogħla rata ta’ serq mill-karozzi għal kull mitt elf persuna kienu rreġistrati fil-Lussemburgu, il-Greċja, l-Italja u l-Iżvezja.
Anki s-serq f’pajjiżna huwa fost l-inqas, hekk kif l-ogħla kienet fil-Belġju, Franza u Spanja, filwaqt li f’Malta ġew irrappurtati mal-erba’ darbiet inqas ta’ serq mill-pajjiżi msemmija.
Intant fi tweġiba waqt seduta parlamentari l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia tenna li bejn l-elfejn u tlettax u Settembru li għadda tressqu mal-mija u ħamsa u sittin persuna l-Qorti b’rabta ma’ każijiet ta’ pickpocketing.
Dan l-istazzjon tkellem mal-kriminologu, Saviour Formosa fejn spjega din l-informazzjoni dwar il-pick-pocketing.
“Fit-2017 kien meta kellna peak ukoll għadu tiela’ l-peak tal-pickpocketing. Li s-sena l-oħra fit-2018 naqas drastikament. Tant hu hekk li l-crime recorded hands f’Malta fit-2018 niżel b’sebgħa fil-mijja li huma massiċ. Mass minnhom kienet pick pocketing.” Saħaq il-kriminologu.
Formosa faħħar il-ħidma intensiva tal-Pulizija u l-entitajiet li lkoll ikkontribwixxew għal dan in-nuqqas drastiku fis-serq mill-basktijiet u l-bwiet.
“Dan il-każ kien suċċess fil-ħidma tal-pulizija li bdew josservaw kif jaħdmu l-pick pockets. F’ħidma bejn id-distretti, bejn l-entitajiet u l- branches relatati kellhom suċċess kbir għax vera ħadmu kif għandu jkun. Għandek proċess intergrat u setgħu jistudjaw il-fenominu fl-inter tiegħu u b’hekk min hu l-aggressur kien aktar faċli jinqabad.” Ikkonkluda Formosa.