Matul il-perjodu ta’ Gvern Laburista, il-familji Maltin irċevew mal-biljun ewro f’għajnuna f’forma ta’ sussidji biex l-inflazzjoni tinżamm stabbli.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield meta kien qed jieħu sehem f’dibattitu fuq it-radju RTK.
“Biljun ewro f’sussidji li tajna lill-poplu Malti fi ħdax-il sena biex żammejna l-inflazzjoni baxxa, li l-kollegi jibqgħu jivvutaw kontra tagħha. Sa din il-ġimgħa stess fil-Parlament, fil-votazzjoni li kellna nhar l-Erbgħa vvutaw kontra l-miżuri tal-Gvern.”
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield
Jirriżulta li s-sena li għaddiet, familja ta’ tnejn iffrankat €277, familja ta’ tlieta iffrankat €366 u familja ta’ erbgħa iffrankat €380 fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma.
Fejn jidħol il-gass ċilindri ta’ 12kg jiswa €15 grazzi għas-sussidju governattiv. Li kieku m’għandnix dan is-sussidju il-prezz tal-gass ikun €23.75 jiġifieri l-familji Maltin qed jiffrankaw €8.75 aktar. Għal ċilindru tal-gass tal-15kg, il-Maltin iħallsu €18.75. Li kienu l-gvern ma jissussidjax il-prezz tal-gass, il-Maltin iħallsu €29.70 jiġifieri qed jiffrankaw €10.95 minn fuq kull ċilindru.
Fejn jidħol il-fuel, il-prezzijiet f’pajjiżna ilhom stabbli għal numru ta’ snin. Fi Frar 2025 id-diesel f’Malta kien jiswa €1.21-il litru, meta f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea kien jiswa €1.63 kull litru. Unleaded petrol f’Malta kien jiswa €1.34 kull litru meta fl-Ewropa kien €1.70 kull litru.
Glenn Bedingfield qal illi apparti din l-għajnuna, il-Gvern daħħal miżuri oħrajn li ħallew aktar flus fil-bwiet tan-nies. Fosthom semma ir-reviżjoni tat-tax bands fl-aħħar budget. Dan apparti, għajnuniet fi żmien il-pandemija, żieda fil-pensjonijet u l-benefiċċji soċjali u tneħħiet it-taxxa minn fuq il-minimum wage.
Is-Segretarju Parlamentari temm jinnota kif din il-politika turi kemm il-Gvern jagħti każ il-ħtiġijiet tan-nies waqt illi l-Oppożizzjoni tibqa’ distakkata mir-realtà u weħlet f’estremiżmu politiku li ma jagħmel tajjeb lil ħadd.