Fl-aħħar sentejn, fi żmien il-pandemija, il-Malta Enterprise, approvat 80 proġett ta’ kumpaniji start-ups. Dan huwa rekord ta’ numru ta’ proġetti approvati anke f’kuntest ta’ żmien ta’ sfida għad-dinja kollha.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat, li dawn il-kumpaniji se jkunu qed jinvestu bejniethom tletin miljun ewro fi żmien tliet snin, u li se jkunu qed joħolqu aktar minn elf impjieg ta’ kwalità.
F’kumment mal-gazzetta, il-Kap Eżekutti tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal li l-istart-ups mhux biss qed joħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda iżda wkoll qed ikomplu jiddiversifikaw l-ekonomija. Dan filwaqt li l-istudenti Maltin qed isibu impjiegi f’setturi diversi malli jlestu l-edukazzjoni tagħhom.
Fil-fatt, il-proġetti jvarjaw f’numru ta’ setturi teknoloġiċi u speċjalizzati u għalhekk qed ikomplu jsaħħu l-ħiliet f’pajjiżna.
Kurt Farrugia żied jgħid li l-iskop ta’ dawn l-inċentivi li toffri l-Malta Enterprise huma fost l-aqwa fl-Ewropa għall-kumpaniji li għadhom se jibdew bl-operat tagħhom.
Il-gazzetta KullĦadd tirrapporta wkoll li nofs dawn l-istart-ups huma mmexxijin minn imprendituri Maltin, madankollu, aktar ma jgħaddi żmien, Malta qiegħda ssir ukoll il-post ideali għal start-ups internazzjonali. Fil-fatt, s’issa diġà ġew attirati kumpaniji mill-Ġermanja, l-Istati Uniti, it-Turkija, l-Olanda u Iżrael, fost oħrajn.
Fost in-niċeċ ekonomiċi ġodda li qed jissaħħu f’Malta permezz ta’ start-ups, hemm dawk bħat-teknoloġija medika, xjenzi, riċerka, teknoloġija tal-informatika u intelliġenza artifiċjali fost oħrajn.
Il-pakketti ta’ inċentivi finanzjarji li toffri l-Malta Enterprise jiġu f’diversi forom, skont il-ħtiġijiet tal-istart-up partikolari, li jvarjaw minn forma ta’ għotja, self li jibda jitħallas lura meta wieħed jirreġistra profitt, krediti ta’ taxxa u ħafna iżjed.
F’dawn l-aħħar xhur, Malta Enterprise imbuttat ix-xogħol tagħha ma’ start-ups permezz tas-sit li twaqqaf apposta – www.startinmalta.com – fejn wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar dawn l-inċentivi kollha li toffri din l-entità governattiva.