Mindu tnediet il-liġi dwar il-kirjiet privati, sena u nofs ilu ġew irreġistrati madwar 600 kuntratt fil-ġimgħa.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, sena u nofs mindu daħlet fis-seħħ il-liġi li tirregola s-settur tal-kirjiet privati.
Konferenza fejn fiha ġie ppubblikat studju annwali dwar il-kirjiet residenzjali.
Fil-fatt, tul il-konferenza dwar dan l-istudju ntqal kif permezz ta’ din il-liġi dan is-suq tant importanti issa ġie regolat sabiex fost oħrajn jissalvagwardja eluf ta’ familji li jgħixu kemm f’Malta u kemm f’Għawdex.
Fost affarijiet oħra l-istudju juri x’tip ta’ residenzi jinkludu l-kirjiet privati rreġistrati.
78% tal-kirjiet privati rreġistrati huma kirijiet ta’ appartamenti filwaqt li 12% huma kirjiet ta’ masionettes. Dan filwaqt li 8% huma kirjiet ta’ djar.
Il-maġġoranza tal-kirjiet, 42% jinkludu żewġ kmamar tas-sodda filwaqt li 34% jinkludu tliet ikmamar tas-sodda. 20% jinkludu kamra tas-sodda waħda filwaqt li 4% tal-kirjiet jinkludu erba’ kmamar tas-sodda jew saħansitra aktar.
L-istudju staqsa wkoll dwar il-pożizzjoni ekonomika ta’ min qed jikri minħabba l-pandemija.
Il-maġġoranza, b’54%, qalu li ma ġewx affettwati bl-effetti negattivi tal-pandemija filwaqt li 46% qalu li ġew affettwati b’xi mod.
L-istudju fil-fatt wera wkoll kif f’kuntest ta’ pandemija, 30.9% ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ talbu għal tnaqqis fil-ħlas tal-kera.
F’60.7% tal-każijiet is-sidien laqgħu dawn it-talbiet, b’25% minnhom taw tnaqqis ta’ bejn l-10% u t-30%. 14% tas-sidien taw tnaqqis ta’ bejn il-35% u l-50% tal-kera filwaqt li 9% taw tnaqqis ta’ bejn is-60% u l-75% tal-ispiża tal-kera. 10% tas-sidien saħansitra taw tnaqqis ta’ bejn id-90% u l-100% tal-kera.
Dwar dan l-istudju, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay hekk kif spjega l-karattersitiċi ewlenin ta’ dan l-istudju u l-iskop aħħari tiegħu.
Fost oħrajn tenna kif matul is-sena l-oħra biss ġew irreġistrati 30,483 kirja privata.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay spjegalna: “Is-sena l-oħra kellna 600 kuntratt fil-ġimgħa dieħel għand l-Awtorità. Ridna naraw x’kienu x-xejriet ta’ din id-data u għalhekk waqqafna osservatorju ta’ tim ta’ esperti li jiskrutinizza din id-data u l-iskop tagħha hu li naraw li jkun hemm policies biex jirriflettu s-suq u nemendaw il-liġi nnifisha biex tirrifletti l-bżonnijiet tal-inkwilini u tas-sidien.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif issa anke permezz ta’ dan l-istudju, l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Gvern huma aktar infurmati dwar dan is-settur tant importanti.
Tenna kif b’hekk il-Gvern jista’ jippjana aħjar: “B’hekk il-Gvern ikun jista’ jippjana aħjar. Jippjana anke fit-tul u anke bħala Awtorità tad-Djar inkunu nistgħu nassistu biex anke issa wara li tgħaddi l-pandemija u anke l-ekonomija tirpilja b’hekk imbagħad nilqgħu għal sitwazzjoni fejn l-ekonomija tkun qed tikber imma min-naħa l-oħra ngħinu biex ikollna inċentivi u anke dan is-settur ikun jista’ jimxi ’l quddiem.”