Fl-aħħar sena, l-ebda priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma ttestja pożittiv għad-droga.
Dan ġie nnotat mit-Times of Malta, li ppubblikat filmat ta’ aktar minn 40 minuta minn ġewwa l-ħabs, fejn il-ġurnalist tagħha Mark Laurence Zammit seta’ jiltaqa’ mal-priġunieri, jidħol fiċ-ċelel u jara b’għajnejh kif jaħdem il-ħabs taħt it-tmexxija tad-Direttur tal-Ħabs, Chris Siegersma.
Fil-fatt punt li nnotat it-Times of Malta hu kif, taħt Siegersma, it-testijiet tad-droga fuq il-priġunieri żdied bid-doppju, bi kważi żewġ terzi tal-priġunieri qed jiġu ttestjati kull xahar.
Fil-fatt it-testijiet kollha għad-droga, fl-aħħar 12-il xahar, ħarġu fin-negattiv, hekk kif id-Direttur innifsu jinkoraġġixxi lir-residenti fil-Faċilità Korrettiv ta’ Kordin biex jipparteċipaw fi programmi ta’ edukazzjoni u anke xogħol.
It-Times ukoll innotat kif fil-ħabs hemm diviżjoni ġdida għall-priġunieri li jkunu għadhom kif daħlu u li qed isiru anke xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’diviżjonijiet oħrajn, waqt li hemm pjani biex tinbena diviżjoni ġdida u l-bini ta’ uffiċċji u faċilitajiet oħrajn għall-viżitaturi.
B’rabta ma’ dan, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, ikkummenta fuq il-midja soċjali fejn qal kif, taħt il-Partit Nazzjonalista, il-politika dwar il-ħabs kienet “tagħtihom id-droga ħalli joqogħdu kwieti”, waqt li l-post kienu jmexxuh il-barunijiet u mhux l-uffiċjali.
Il-Ministru saħaq li Gvern Laburista assigura li l-ħabs ikun ħieles mid-droga, naddaf u kontinwament qed itejjeb il-faċilitajiet, filwaqt li introduċa oħrajn ġodda, fosthom servizzi mediċi, u saħaq kif hemm ukoll tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni permezz ta’ diversi professjonisti.
Dan kollu jiġi ftit ġimgħat wara r-rapport tal-Ombudsman dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs erba’ snin ilu. Bil-Gvern itenni kif, fl-aħħar snin, sar ħafna titjib fil-faċilità wara li ġiet eliminata l-pjaga tad-droga.
Xi ħaġa li issa anke t-Times ikkonfermat u, għaldaqstant, twaqqa’ l-argumenti foloz u kritika inġusta mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li fi żmienna fil-Gvern l-istorja kienet kompletament bil-maqlub, bid-droga saħansitra tiġi ttraffikata internament.
Fost l-inizjattivi tal-aħħar snin fil-ħabs hemm l-introduzzjoni ta’ care plan għal kull priġunier, tliet half-way houses ġodda, 40 Standard Operating Procedures fl-operat ta’ kuljum, l-inklużjoni ta’ professjonisti, bħal psikologi, psikjatri u social workers, l-ingaġġ ta’ uffiċjal edukattiv u l-ftuħ ta’ post barra l-ħabs biex priġunieri jiltaqgħu ma’ wliedhom f’ambjent differenti, fost l-oħrajn.