Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti miljun ewro u nofs fi grawnd tal-futbol li minnu se tgawdi l-komunità ta’ Wied il-Għajn. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari Chris Agius li fi żjara fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn spjega kif se tkun użata żona mill-park li sal-lum ftit li xejn kellha skop u li kienet issuġerita minn nies ta’ Wied il-Għajn stess.
Fl-aħħar snin f’Wied il-Għajn twaqqaf tim tal-futbol, u aktar importanti minn hekk nursery biex jitħarrġu t-tfal. Peró l-faċilitajiet dejjem kienu problema. Issa feġġ xaqq ta’ tama għaliex bi gvern li qed jagħti prijorita assoluta n-nofsinhar ta’ Malta dan huwa proġett ieħor li se jkun qed isir.
Ġenituri, tfal u uffiċjali tal-klabb ukoll tkellmu kemm hu importanti dan il-proġett li qed isir u stqarrew li issa jinsabu fuq ix-xwiek biex ix-xogħol jibda anke jekk jafu li dan jieħu żmien minħabba l-proċessi marbuta ma’ kwalunkwe proġett. Fil-proġett hemm involuta wkoll il-Malta Football Association u l-grawnd se jkun qiegħed isir skont standards internazzjonali.
Il-grawnd kif inhu bħalissa jidher hawn taħt.
Il-pjanijiet ġodda huwa kif jidher hawn.