“Filli kont nara l-ommi kuljum u filli ma nista’ niltaqa’ magħha qatt.” Hekk stqarr magħna iben residenta f’San Vinċenz de Paul, li wara xhur twal jara lil ommu biss minn wara l-perspex issa jista’ jaraha u jitkellem magħha mingħajr il-perspex li tifridhom.
Mit-Tnejn, fid-djar tal-anzjani li fihom aktar minn 90% tar-residenti mlaqqma kompletament u li ilhom aktar minn ħmistax-il jum li laħqu din il-marka, issa infetħu sabiex bl-appuntament il-qraba jingħataw ħin fil-ġimgħa li fih jistgħu jiltaqgħu mal-qraba wiċċ imb’wiċċ.
Dan filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji.
Tkellimna ma’ Mario Sultana li kien qed iżur lil ommu Josephine ta’ 90 sena.
Stqarr kif f’dan iż-żmien tal-pandemija ħass ħafna n-nuqqas ta’ ommu, li qabel kien jaraha kuljum.
Qal, “Iebsa ħafna, imbagħad hi kienet viċin miegħi ħafna, u għamilt żmien naħdem hawn jien, kont niġi kważi kuljum, imbagħad illi taqta’ diffiċli ħafna ħafna ħafna.”
Mario stqarr kif il-fatt li l-proċess tat-tilqim kontra l-Covid-19 mexa b’mod daqstant malajr wassal sabiex ikunu protetti kemm jista’ jkun l-anzjani residenti f’dawn id-djar.
Qal kif issa dejjem aħjar li għal appuntament fil-ġimgħa jista’ jara u jkellem lil ommu mill-ġdid.
Spjega, “Ħafna aħjar, ħafna aħjar hux, għamlu avvanz kbir u issa kważi kollha mlaqqma hux, jiena kważi imlaqqam ukoll hux, Għall-inqas qed taraha.”
ONE News ltaqa’ wkoll ma’ Josianne Rodgers waqt li kienet qed iżżur lil ġenituri tagħha, Helen u Karmenu Mizzi. Josianne spjegat kif filwaqt li tħoss in-nuqqas li ma tistax tgħannaq u tbus lil ommha u missierha xorta waħda illum tħossha ħafna aħjar li tista’ tpoġġi ma’ mejda u tgħaddi nofs siegħa titkellem magħhom.
Qalet, “Il-fatt li tarahom u jkollok il-kuntatt, avolja ma nistgħux inmissuhom ovvjament u nitgħannqu kif nixtiequ għax inti, l-kuntatt fiżiku, xi ħaġa tal-omm u l-missier huwa sabiħ ħafna. Imma hekk aħjar milli minn wara l-perspex.”
Helen Mizzi, li għandha 90 sena stqarret kif f’dan iż-żmien, fejn ħasset ħafna n-nuqqas tal-qraba li ma setgħux jiġu jżuruha, il-ħaddiema tar-residenza kienu ta’ għajnuna kbira hekk kif qalet li bis-servizz tagħhom qatt ma kien jonqoshom xejn.
Qalet, “Jgħinuna msieken ħafna, ma nistax ingorr minnhom insibuhom tajbin kollha.”