Fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, Malta rreġistrat surplus t’aktar minn 387 miljun ewro fit-transazzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
Ċifri proviżorji ppubblikati mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wrew li bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, is-surplus f’dawn it-tip ta’ transazzjonijiet żdiedu b’aktar minn 215-il miljun ewro.
Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
B’hekk pajjiżna rreġistra dħul akbar fil-kummerċ ma’ barra li ġie primarjament mis-settur tas-servizzi finanzjarji, mill-kumpaniji tal-gaming u anki mill-qasam turisitiku.
Fil-fatt is-sena l-oħra, in-nefqa tat-turisti f’Malta żdiedet b’5.7% u telgħet għal 2,200 miljun ewro.
Dan filwaqt li fl-2019 f’Malta ġew madwar 2,800,000 turist.
L-NSO qal li d-dħul mill-qasam tas-servizzi laħħaq aktar minn disa’ mija u tmienja u tmenin miljun ewro.
Dan filwaqt li fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra, il-kont kapitali, li jżomm rekord tat-transazzjonijiet li jsiru bejn pajjiż u ieħor, irreġistra wkoll bilanċ pożittiv ta’ aktar minn 12-il miljun ewro.