Ċifri proviżorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul is-sena li għaddiet, l-ekonomija Maltija kibret b’4.4 fil-mija f’termini reali u b’sitta pġunt tmienja fil-mija f’termini nominali.
L-NSO qal li matul is-sena li għaddiet, il-ġid nazzjonali ta’ Malta laħaq it-€13,208.5 miljun. Dan wara li rreġistra żieda ta’ €842.2 miljun.
Dan ifisser li tkabbir ekonomiku s-sena li għaddiet kien erba’ darbiet aktar minn dak osservat fil-pajjiżi taż-Żona Ewro.
It-tkabbir ekonomiku b’saħħtu kien dovut għal żewġ fatturi ewlenin – il-konsum privat li kien xprunat minn żieda qawwija fid-dħul tal-ħaddiema u l-andament pożittiv tal-ażjend.
L-NSO qal li l-biċċa l-kbira tal-oqsma ekonomiċi ta’ pajjiżi rreġistraw tkabbir.
L-akbar tkabbir kien fil-qasam tas-servizzi li ra żieda ta’ 168 miljun jew 10%. Is-settur tal-gaming fl-ekonomija żdied b’156 miljun waqt li s-sehem tal-bejgħ, tal-lukandi u r-restoranti kibru b’136 miljun jew b’6%. Il-manifattura wkoll żdiedet b’34 miljun waqt li s-settur tal-kostruzzjoni żdied b’55 miljun
Miċ-ċifi tal-NSO jirriżulta li t-tkabbir ekonomiku tas-sena li għaddiet tqassam fi kważi €380 miljun f’żieda fil-pagi tal-ħaddiema. Riżultat ta’ dan il-konsum privat qabeż għall-ewwel darba €5 biljun wara li tneħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja.
Fl-istess waqt it-tkabbir ekonomiku wassal biex il-profitti tal-ażjendi f’Malta jiżdiedu b’€444 miljun biex kważi laħqu s-sitt elef u ħames mitt miljun ewro.
B’reazzjoni, il-Gvern qal li t-tkabbir qawwi fis-settur privat qed iwassal għal tnaqqis fid-dipendenza ta’ pajjiżna fuq in-nefqa tal-Gvern. Qal li l-politika tal-Gvern qed twassal għal tkabbir mifrux u żieda fid-dħul kemm għall-ħaddiema u n-negozji. Fuq kollox sostna li se jibqa’ jwettaq ir-riformi meħtieġa biex l-ekonomija tibqa’ tmur ‘il quddiem u jasal aktar ġid għand kulħadd.