Propju f’dan iż-żmien ta’ festi, kif diġà xandar dan l-istazzjon ftit tal-jiem ilu, il-ħidma fuq il-linji tal-179 intensifikaw.
Dan minħabba li numru ta’ persuni jistgħu jkunu qed jbatu minn xi solitudni li twassalhom biex jkunu mnikkta jew saħansitra, f’każijiet estremi, persuna tista’ anka tkun qed tikkontempla li tneħħi ħajjitha.
Wara l-festi tal-Milied, ONE News tkellem ma’ Svetlana Buttigieg, maniġer tal-linji 179 fej spjegatilna dak li raw f’dawn l-aħħar jiem.
Svetlana spjegat numru ta’ każijiet illi l-operaturi, li ta’ min wieħed jgħid huma mħarrġa b’mod professjonali sabiex jassistu lil dawk fil-bżonn, iltaqgħu magħhom f’Jum il-Milied.
“Kellna telefonati mingħand ġenituri li kienu inkwetati fuq uliedhom ankw rigward problemi tad-droga jew tal-alkoħol. Kellna persuni illi kellhom sitwazzjoni fejn kien hemm persuni li għandhom problemi fir-relazzjoni tagħhom, saħansitra kellna sitwazzjoni fejn żewġ partners iġġieldu, persuna minnhom spiċċat barra mid-dar, u kellna anke ħsibijet li tneħħi ħajjitha b’ideja. Hemmhekk, l-operaturi tagħna intervjenew, tkellmu magħha, bagħtulha l-għajnuna u sabulha anka post fejn toqogħod billi reġgħu qarbuha ma’ xi familjari illi kienet ilha żmien twil ma titkellem magħhom.”
Svetlana Buttigieg
Hi żiedet tgħid li dak li tagħmel hi flimkien mat-tim ta’ operaturi mhux xejn faċli, tant li anke f’ċertu istanzi jirrikjedi taħriġ għall-mod ta’ kif tikkontrolla l-emozzjonijiet.
Kien hawn li semmiet episodju fejn persuna li ċċempel fuq il-linja tal-179 b’mod regolari bagħtiltilhom kartolina tal-Milied.
Apparti hekk, hi spjegat kif dan il-milied kien differenti minn dak preċedenti minħabba telefonata partikolari li daħlet fuq il-linji.
“Persuna li kien barra fit-triq beda jħoss uġiegħ f’qalbu u flok ċempel l-emerġenza ċempel fuq il-179. Ovvjament aħna kellna persuna, operatur minnhom illi baqgħat miegħu fuq il-linja u kellna operatur ieħor li kien qed jassistiha illi ċempel l-emerġenza u aħna bqajna miegħu sakemm waslet l-ambulanza u aħna bqajna miegħu sakemm aċċertajna ruħna li l-persuna kellha l-għajnuna meħtieġa.”
Svetlana Buttigieg
Il-maniġer appellat sabiex tħeġġeġ lil dawk li huma fil-bżonn sabiex jersqu ‘l quddiem u jitkellmu sabiex dak li jkun qed itaqqalhom, itaffuħ.
“Jagħmel kuraġġ, jaqbad dak it-telephone u jċempel.”
Svetlana Buttigieg