L-intrapriżi Maltin u Għawdxin diġà ffrankaw kważi €370 miljun mill-kontijiet tal-enerġija fl-aħħar sentejn, grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern li, mill-bidu tal-2022, jissussidja l-prezzijiet tal-elettriku u l-fuels biex iżommhom stabbli u jagħti s-serħan il-mod kemm lill-familji kif ukoll lin-negozji.
Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha li ma żiedx tali prezzijiet. Li kien għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista, jekk il-prezzijiet jogħlew minn barra, allura kellhom jogħlew ukoll f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li, grazzi għal dik id-deċizjoni, l-ekonomija Maltija kibret b’għaxar darbiet aktar mill-medja Ewropea. Qalet li, għaldaqstant, se jkomplu jiġu mgħejjuna n-negozji.
Fi żjara li għamlet fuq il-lant tax-xogħol ta’ investiment massiċċ ieħor mill-kumpanija De La Rue, il-Ministru spjegat kif tali investiment se jattira madwar 100 impjieg ieħor ta’ kwalità.
Dan l-investiment multi-miljunarju se jara li s-sit tal-kumpanija jespandi b’29,000 metru kwadru, waqt li se jaħdem b’mod effiċjenti u sostenibbli biex tiġi estiża l-industrija 4.0.
Anthero Agius, maniġer fi ħdan il-kumpanija De La Rue, innota kif l-għajnuna li ta l-Gvern kienet strumentali biex jitwettaq dan il-pass ’il quddiem, hekk kif il-kumpanija tista’ tibqa’ tiddiversifika l-prodotti tagħha.
“L-investiment li sar hu wkoll importanti fil-qasam tas-sostenibilità. Qed nagħmlu dak kollu li hu possibbli biex mhux biss inkunu qed niffrankaw il-kontijiet tal-enerġija, imma nsibu mezzi alternattivi kif noħolqu sistemi li nkunu nistgħu nutilizzawhom aħjar b’dak li nkunu nistgħu noħolqu b’dan l-investiment. Fl-aħħar mill-aħħar, inkunu nistgħu mhux biss niffrankaw il-flus, imma anke jgawdi minnhom il-ħaddiem, direttament, li jkun qed jaħdem fl-impjant.”
Il-Ministru Dalli rreferiet ukoll għall-prattiċi sostenibbli u priniċpji tal-ekonomija ħadra u dik blu, filwaqt li semmiet anke diversi inizjattivi li qed tieħu l-Malta Enterprise.
Żiedet tgħid li rdoppjat l-allokazzjoni għall-proġetti u l-mizuri, li tagħti l-Malta Enterprise, biex tappoġġja lin-negozji u l-istart-ups, għal aktar investiment fis-setturi tar-riċerka, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-effiċjenza tal-enerġija, biex issa tammonta għal €60 miljun.
“Qegħdin nagħtu wkoll aktar flus fil-bwiet tan-nies, li finalment jirritornaw lejn l-ekonomija tagħna. M’aħniex se nieqfu hemmhekk, se nkomplu ninvestu aktar fl-intrapriżi f’pajjiżna. Għalhekk li dan il-baġit irdoppja l-allokazzjoni, illum qed nitkellmu dwar 60 miljun investiment li se jmorru fil-kumpaniji tagħna biex inkomplu bit-tranżiżżjoni lejn il-qasam diġitali u lejn is-sostenibblità ambjentali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, semma wkoll diversi skemi li, permezz tagħhom, din l-entità se tkompli tgħin lin-negozji. Semma wkoll kif f’pajjiżna se jkunu qed jimirħu wkoll aktar industriji.
“Fl-aħħar xhur tħabbar li aħna wieħed minn 16-il proġett, Malta Enterprise, flimkien ma’ ST Micro Electronics u INDIS, bażikament se nkunu qegħdin naraw f’Malta, li jsiru microchips tal-ogħla kwalità u l-aqwa teknoloġija fid-dinja u ħa nkomplu nsaħħu dan billi nkunu qed napplikaw għal ċentru ta’ kompetenza tal-Microelectronics biex inkomplu nsaħħu u niddiversifikaw l-ekonomija tagħna. Dan, flimkien ma’ kumpaniji oħrajn aktar speċjalizzati fil-qasam tal-MedTech, tal-FinTech, fil-qasam tal-Life Sciences, u b’hekk inkunu qed niddiversifikaw l-ekonomija tagħna b’mod li nilħqu aktar il-kwalità milli l-kwantità.”