Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija solviet l-omċidju ta’ Lassibe Souleymane li fis-7 t’April li għadda nqatel kiesaħ u biered fi sparatura fi Triq il-Ġebel f’Ħal Far. Filfatt fl-aħħar sigħat il-Pulzija arrestat numru ta’ persuni li setgħu kienu involuti f’dan il-każ u qed tfittex raġel ieħor.
Fis-sigħat li ġejjin dawn il-persuni mistennija jitressqu l-Qorti ffaċċjati b’numru ta’ akkużi fosthom bil-qtil tar-raġel u b’attentat ta’ qtil ta’ numru ta’ perusni oħra li kienu fit-triq.
Dakinhar tar-reat, il-Pulizija kienet ġiet mgħarrfa li kien għadu kif instemgħu xi tiri fi Triq il-Ġebel u li kien hemm persuna feruta mal-art.
Madankollu, malli waslu fuq il-post il-Pulizija sabu tliet persuni barranin mixħuta mal-art b’wieħed minnhm ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Il-vittmi instabu mixħuta tul it-triq kollha wara li kienu ntlaqtu minn tiri ta’ arma tan-nar sparati minn ġo tieqa ta’ karozza li ħarbet minn fuq il-post.
Minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Pulizija bdiet tqis dan ir-reat bħala l-ewwel omiċidju b’mottiv razzjali li qatt kien seħħ f’pajjiżna. Wara ftit aktar minn xahar ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija waslet għas-suspettati ewlenin f’dan il-każ li xxokkja lil bosta.
Filfatt, b’reazzjoni għal dan l-omiċidju 23 NGO ingħaqdu flimkien sabiex jesperimu d-dieqa tagħhom għal qtil kiesaħ u biered ta’ Souleymane u kienu qalu wkoll li dan il-każ pprova jnibbet biża’ fil-komunità tal-immigranti f’pajjiżna .