Fl-aħħar sigħat, raġel barrani li kien qed jikkontempla li jtemm ħajtu, ġie salvat mill-Pulizija.
ONE News jinsab infurmat li aktar kmieni llum, ir-raġel ċempel fuq il-helpline 179 u qal li se jaqbeż minn fuq l-irdum. Huwa rrifjuta li jgħid lill-persuna li wieġbet it-telefonata tiegħu fejn jinsab.
Sadanittant, sakemm ir-raġel temm it-telefonata, l-operatur tal-179 irnexxielha ġġib in-numru tal-mowbajl tar-raġel.
Immedjatament sar rapport għand il-Pulizija, fejn dawn illokalizzaw lir-raġel u sabuh lest biex jaqbeż minn fuq l-irdum ta’ Ta’ Ċenċ f’Għawdex.
Il-Pulizija u ambulanza assistew fuq il-post, li ħadu lir-raġel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-assessjar u l-kura li għandu bżonn.
Din l-istorja suċċess, fosthom bis-sehem tal-operaturi tal-179 – il-helpline li huwa mmexxi mill-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), hija waħda minn sensiela ta’ telefonati li jsiru kuljum, li grazzi għal interventi f’waqthom u ħidma koordinata bejn diversi entitajiet, jiġu salvati l-ħajjiet.