Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg kien f’Monaco fejn ipparteċipa fil-Monaco Yacht Show, l-akbar avveniment fid-dinja tas-superyachts. Waqt din iż-żjara l-Ministru ltaqa’ ma’ diversi aġenti ewlenin fl-industrija fejn ġew diskussi u identifikati oqsma dwar kif din l-industrija, li ġġib f’Malta dħul sostanzjali ekonomiku u kambju barrani, tista’ tiġi żviluppata u kkonsolidata aktar.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ntqal li taħt il-marka ‘Maritime Malta’, Transport Malta qed tipprovdi l-aqwa pjattaforma lill-fornituri u lill-intermedjarji tas-servizzi tal-industrija marittima lokali sabiex tippromwovi lil Maritime Malta bħala ċ-ċentru internazzjonali tas-servizzi tal-jottijiet.
Intqal ukoll li l-Gvern, permezz tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u tal-entità Transport Malta, qed jieħu numru ta’ inizjattivi biex jappoġġa din l-industrija filwaqt li jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta bħala l-aqwa destinazzjoni u jsaħħaħ il-bandiera Maltija bħala l-ġurisdizzjoni ewlenija tal-jottijiet.
Il-Ministru Ian Borg, akkumpanjat minn nies tekniċi mir-Reġistru tal-Bastimenti ta’ Malta, kellu wkoll laqgħat f’Viareggio u f’Genova mal-bennejja ewlenin tas-superyachts.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Borg saħaq fuq l-impenn tal-Gvern lejn din l-industrija u rringrazzja lill-aġenti ekonomiċi Maltin kollha għall-irwol kruċjali tagħhom.
Dawn l-inizjattivi u l-viżjoni ċara tal-Gvern għal din l-industrija rriżultaw f’riżultati pożittivi ħafna li għandhom jinkisbu fir-reġistrazzjoni tas-superyachts taħt il-bandiera ta’ Malta. Ta’ min jinnota li matul l-aħħar ħames snin in-numru ta’ superyachts ta’ ’l fuq minn 24 metru, irdoppja, b’żieda rekord ta’ 10% li ġew irreġistrati matul l-aħħar disa’ xhur.
Il-Ministru Borg stqarr li, dan l-istatus inkiseb permezz tal-isforzi tal-imsieħba kollha u l-impenn tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili. Kisba bħal din hija xhieda li l-impenn għall-kwalità jiġi ppremjat u li l-Amministrazzjoni tal-Bandiera ta’ Malta rnexxielha fl-istess ħin iżżid kemm ir-rata ta’ tkabbir tagħha kif ukoll ittejjeb il-prestazzjoni teknika tal-flotta reġistrata tagħha.
Ritratti (MTIP)