Fl-aħħar ħames snin saru 197 adozzjoni minn familji Maltin u Għawdxin – il-maġġoranza ta’ dawn it-tfal ġew adottati mill-Indja. Fil-fatt, 147 tifel u tifla ġew adottati mill-Indja. Wara hemm il-Portugall ,b’24 adozzjoni. Fl-aħħar ħames snin saru wkoll disa’ adozzjonijiet ta’ tfal Maltin f’Malta stess.
Din l-informazzjoni ħabbarha l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari.
Is-sena li għaddiet kienet l-aktar sena li matulha saru adozzjonijiet, b’total ta’ 64. Issegwi warajha l-2018, bi 52 adozzjoni. Is-snin 2020 u l-2021 kienu l-inqas sentejn fl-aħħar ħames snin li matulhom saru adozzjonijiet.
Waqt l-istess seduta Parlamentari, il-Ministru Michael Falzon wieġeb ukoll li, mill-2018 sat-13 ta’ Frar ta’ din is-sena, ġew fostered b’kollox 266 tfal u żgħażagħ. Il-maġġoranza tagħhom huma tfal li għandhom inqas minn 17-il sena, filwaqt li 37 peruna għandhom 18-il sena jew aktar.
Il-Ministru Falzon żied jgħid li, fil-preżent, hawn 57 minorenni li qed jistennew li jitpoġġew f’foster placement.
Mill-2018 sat-13 ta’ Frar li għadda saru b’kollox 148 foster placement. Dan ifisser li kien hemm familji li ffosterjaw aktar minn persuna waħda.