Bejn l-elfejn u ħdax u l-elfejn u għoxrin, Malta kellha waħda mill-ogħla żidiet ta’ studenti li komplew l-edukazzjoni terzjarja, fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat ħareġ li s-sena l-oħra, erbgħin fil-mija ta’ dawk li għandhom bejn ħamsa u għoxrin u erbgħa u tletin sena, lestew l-edukazzjoni terzjarja.
Għall-kuntrarju fl-elfejn u ħdax, kien hemm sitta u għoxrin fil-mija biss ta’ dawk fl-istess età li lestew l-edukazzjoni terzjarja.
Dan ifisser li fl-aħħar għaxar snin, kien hemm żieda ta’ erbatax fil-mija fin-numru ta’ nies li komplew jistudjaw fil-livell terzjarju.
Iż-żieda ta’ pajjiżna fl-edukazzjoni terzjarja hija fost l-akbar irreġistrati fl-Unjoni Ewropea.
Il-Portugall u l-Lussemburgu kellhom l-istess żieda bħal ta’ Malta, filwaqt li kienet biss l-Awtrija li kellha żieda ikbar, f’dan il-perjodu ta’ żmien.
Il-medja taż-żieda f’dan il-qasam fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ sebgħa fil-mija, li jfisser li Malta kellha d-doppju ta’ din iż-żieda f’dawn l-aħħar għaxar snin.