Aktar minn 5,000 student applikaw għal klassijiet ta’ reviżjoni minndu bdiet għaxar snin ilu taħt Gvern Laburista. Din l-inizjattiva ta’ kull sajf issir minn JobsPlus, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u għenet ferm biex tagħti lil dawn l-istudenti spinta għal suċċess akkademiku u għal opportunitajiet akbar fil-futur.
Dan ġie nnotat mill-Ministru responsabbli mix-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima waqt żjara li għamlu f’wieħed miċ-ċentri ta’ tagħlim. Hawnhekk iż-żewġ Ministri kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ wħud mill-istudenti u l-għalliema, waqt pawsa bejn il-lezzjonijiet, sabiex jisimgħu l-esperjenzi tagħhom.
Ġie spjegat li din is-sena hemm aktar minn tmin mija u ħamsin applikazzjoni minn studenti li m’għandhomx mill-eżamijiet tas-SEC jew kif inhuma magħrufa wkoll bħala O’Levels.
Ħareġ kif erbgħa u ħamsin fil-mija tal-istudenti huma rġiel, waqt li l-kumplament huma nisa.
Dawn il-lezzjonijiet ta’ reviżjoni, li qed jingħataw b’xejn, huma fil-Malta, l-Ingliż, il-Matematika, il-Fiżika u l-Bijoloġija.
Qed jattendu għal dawn il-lezzjonijiet studenti li għandhom bejn il-ħmistax u d-disgħa u għoxrin sena, li weħlu f’wieħed minn dawn is-suġġetti setgħu japplikaw biex jattendu lezzjonijiet b’xejn, tliet darbiet zjonijiet b’xejn, tliet darbiet fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ ħames ġimgħat.
F’Settembru mbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jagħmlu l-eżami tas-SEC.
B’kull student seta’ jagħżel sa massimu ta’ tliet suġġetti biex jattendi lezzjonijiet ta’ reviżjoni dwarhom, mogħtija minn għalliema professjonali u bil-warrant.
Intqal li tul dan is-sajf, l-aktar suġġett li għalih applikaw studenti hu l-Matematika, bi kważi sitt mija u tletin applikant. Warajh hemm il-Malti bi tliet mija, wieħed u sebgħin applikant, l-Ingliż b’tliet mija ħamsa u erbgħin applikant u l-Fiżika bi tliet mija u erbatax-il applikant. Dan filwaqt li qed jieħdu s-suġġett tal-Bijoloġija b’wieħed u disgħin applikant.
Waqt din iż-żjara, l-uffiċjal ta’ JobsPlus Olivia Farrugia semmiet numri li huma inkoraġġanti, b’rabta ma’ dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni.
Qalet, “Sittin fil-mija ta’ dawn l-istudenti li pparteċipaw f’dawn l-aħħar snin irnexxilhom, fil-fatt, jemiljoraw il-marka tagħhom. Apparti minn hekk, 90% tagħhom ukoll, li huwa persentaġġ importanti ħafna, li dawn komplew bl-istudji tagħhom u wieħed juri li l-għan ta’ din l-inizjattiva ntlaħaq u ntlaħaq tajjeb.”
Il-Ministru Byron Camilleri sostna li dawn il-lezzjonijiet jimxu id f’id mal-għanijiet tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, bil-għan li żgħażagħ jiksbu snajja’ meħtieġa mis-suq tax-xogħol u b’hekk jevitaw li jkunu qegħda.
Qal, “Li permezz ta’ dawn il-klassijiet bla ħlas ikunu jistgħu jirċievu l-edukazzjoni li hemm bżonn, sabiex imbagħad twassalhom anki għall-karriera mill-isbaħ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.”
Il-Ministru Clifton Grima qal li s-sistema edukattiva tagħti l-opportunitajiet kollha possibbli biex l-istudent jingħata appoġġ f’kull mument tal-livell edukattiv tiegħu.
Qal, “Qegħdin naraw u nassiguraw li nagħtu lezzjonijiet ta’ reviżjoni lil dawn l-istudenti sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ipoġġu għall-eżamijiet.”
Dawn il-lezzjonijiet qed isiru filgħodu fiċ-ċentri edukattivi fil-Mosta, il-Blata l-Bajda, Raħal Ġdid u r-Rabat Għawdex.