Ċifri uffiċjali tal-Eurostat juru li f’4 snin bejn l-2014 u l-2018 il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija alternattiva, żdiedet b’270%.
B’kuntrast fit-tmien snin ta’ qabel meta pajjiżna kien immexxi minn gvern Nazzjonalista, il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija alternattiva telgħet biss għal 2.9% biss tal-enerġija kollha li jikkonsma pajjiżna.
Fi stqarrija il-ministeru għall-enerġija spiega li fl-aħħar erba’ snin saret ħidma kbira biex pajjiżna jżid il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija alternattiva. Dan permezz ta’ investimenti kbar ta’ pannelli tax-xemx f’żoni industrijali u kummerċjali.
Il-Ministeru spjega li ż-żieda fil-popolazzjoni, rekord kull sena ta’ turisti li ġew pajjiżna, żieda fl-affluwenza, tnaqqis ta’ 70% ta’ persuni li ma jaffordjawx isaħħnu djarhom wasslu għal żieda kbira fil-konsum għalhekk wasslet biex il-mira ta’ 10% ma tintlaħaqx bi 2%.
Żied jispjega li il-provvista totali tal-elettriku f’pajjiżna, kemm dak iġġenerat mill-power stations, mill-enerġija alternattiva u mill-interconnector, bejn l-2014 u l-2018, telgħet bi kważi 20%.
Il-Ministeru ħabbar li din is-sena, ser jitħabbru skemi u inizjattivi sabiex tkompli tiżdied l-ġenerazzjoni tal-enerġija alternattiva ħalli noqorbu iktar lejn il-mira ta’ 10%.
Fil-fatt minkejja iċ-ċokon ta’ pajjiżna fejn jillimitana minn użu ta’ sistemi ta’ enerġija alternattiva differenti bħall-enerġija mir-riħ il-gvern jinsab impenjat bi pjani bħal dawk ta’ sistemi ta’ battery storage sabiex l-enerġija rinovabbli tkun disponibbli u tgħin fit-tkabbir ta’ dan is-sors.
Permezz t’hekk il-poplu Malti u Għawdxi mhux biss għandu arja aktar nadifa, iżda wkoll kontijiet irħas b’medja ta’ 25%.
Il-Ministeru daħal li l-Oppożizzjoni uriet x’fadlilha titgħallem dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku u li kien għaliha pajjiżna għadu jiġġenera d-dawl bil-heavy fuel oil, l-iktar żejt li jħammeġ u li jikkontamina l-arja b’periklu għas-saħħa tan-nies waqt li tal-qalba jgawdu l-miljuni ta’ ewro f’kummissjonijiet.
Apparti minn hekk, bl-inċident li wassal għall-qtugħ tal-interconnector, Malta ma kienx ikollha biżżejjed ġenerazzjoni tal-elettriku, u partijiet minn Malta ikollhom jaffaċċjaw qtugħ ta’ dawl kuljum grazzi għal dan il-metodu perikoluż u ineffiċjenti li jemmen tant bih il-Partit Nazzjonalista.