Mill-2017, il-Gvern wettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ f’madwar sitt mitt blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali. Hekk intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Mula fejn ingħata rendikont ta’ dawn ix-xogħlijiet.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li erbgħa u ħamsin fil-mija tal-istokk ta’ djar tal-Gvern raw xi tip ta’ tisbiħ jew manutenzjoni.
Il-Ministru Galdes stqarr kif numru kbir ta’ dawn id-djar kienu nbnew fis-sebgħinijiet, u f’ċertu każijiet, ir-residenti li jgħixu fihom ma jiftakrux l-aħħar darba li raw xi tip ta’ manutenzjoni.
Huwa qal li dawn mhumiex biss binjiet, imma djar ta’ mijiet ta’ familji, u għalhekk il-Gvern qatt mhu se jkun kuntent bix-xogħol li jagħmel, u għalhekk, il-ħidma tiegħu tkompli.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Ċertament il-ħidma tagħna mhux se tieqaf hawn, se tibqa’ għaddejja għaliex huwa fid-dover tagħna li nibżgħu għal dawn l-appartamenti wkoll u anke ntejbu l-kwalità tal-għajxien tagħna u l-ħsieb hu li anka issa nkomplu bil-kampanja t’installazzjoni t’aktar lifts f’binjiet antiki, aktar riġenerazzjoni u interventi ta’ restawr li jsir f’binjiet bħal dawn biex b’hekk ovvjament jingħataw dehra aħjar u ma jkunx hemm differenza mal-binjiet tal-lum.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay sostna li kienet tkun inutli kieku l-Gvern iffoka biss fuq il-bini t’akkomodazzjoni soċjali ġdid, u jabbanduna binjiet eżistenti.
Huwa kkonferma l-importanza tal-installazzjonijiet tal-lifts fejn hu possibbli sabiex dawn id-djar ikunu aktar aċċessibbli.
McKay qal, “Min-naħa tagħna, bħala Awtorità kellna għażla: jew li nieħdu ħsieb biss l-integrità strutturali tal-binja, u hemm ikollna madwar mitejn talba fix-xahar għand l-Awtorità, però ma ridniex nieqfu hemm biss. Ridna naraw li barra l-manutenzjoni u tiswijiet, ikun hemm ukoll xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq il-faċċati u fuq il-komun u issa aktar u aktar qed nintroduċu lifts b’fondi nazzjonali jew fondi Ewropej, ġieli fejn hu possibbli f’dawn il-blokok t’akkomodazzjoni soċjali.”