Fl-aħħar disa’ snin id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili investa mal-erbatax il-miljun u erba’ mitt elf ewro biex itejjeb il-flotta u l-amministrazzjoni.
Ħabbar dan id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila hekk kif spjega li b’hekk inġiebu b’kollox 95 vettura.
Fost oħrajn Psaila elenka l-vetturi tal-aħħar teknoloġija u li jtejbu l-operat tad-Dipartiment f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fosthom 30 vetturi tat-tifi tan-nar, iżda mhux biss.
Huwa qal, “Investejna wkoll f’makkinarju ieħor, industrial fire engines bl-aqwa teknoloġija għax mhux li ġġib l-aqwa fire engines biss imma li hija tkun mgħammra bl-aqwa apparat u l-aqwa teknoloġija. Ġibna wkoll rotators, tele-handlers u żewġ high ups. Dawn ftit ikollna bżonnhom imma f’każ li jkollok xi maltempata kbira bħalma kellna fl-2019 jew terremot inti għandek makkinarju li bih tista’ terfa’ affarijiet kbar bħalma huma siġar u billboards u tibqa’ dejjem operattiv.”
Psaila fil-fatt spjega kif fl-aħħar tliet snin inġiebu tnejn u ħamsin vettura. Fl-2021 biss inġiebu wieħed u għoxrin.
Huwa spjega wkoll kif id-Dipartiment qed jistenna addizzjoni ta’ aktar vetturi sa tmiem din is-sena. Fost dawn hemm Hydraulic Platorm vehicle mlaqqma Colossus u li titla’ sa tul ta’ 70 metru.
Dan sewa kważi miljun u erba mitt elf ewro.
Psaila sostna: “Għandu jasal l-akbar trakk li jita’ jkollu l-pajjiż, dak l-hydraulic platform ta’ 70 metru imma wkoll f’makkinarju ieħor li ma tantx ikun jidher bħal breathing apparatus jiġifieri l-ossiġnu tan-nifs li jista’ jagħti arja lill-ħaddieħor, għandna wkoll purtieri biex jilqgħu d-duħħan li jinferxu fil-blokka.”
Id-Direttur żied jgħid kif tul is-snin saru wkoll numru ta’ donazzjonijiet lid-Dipartiment u li jammontaw għal madwar €900,000. Minn dawn il-fondi nxtraw fost oħrajn water carriers, pickups, trackters u turntable ladder.
Tenna wkoll li daqt se jsir xogħol fl-istazzjonijiet tad-Dipartiment: “Ħadna l-ħsieb ukoll li t-tliet stazzjonijiet li għandna ġewwa ta’ Kandja, ġewwa x-Xemxija u ġewwa Ħal Far, nagħmlulhom estenzjoni, inkabbruhom ukoll ħalli jilqgħu għal din id-domanda kemm tar-riżorsi umani u kif ukoll tal-vetturi li huma maħsubin li jiġu jew diġà għandna.”
Is-Sur Psaila ħabbar ukoll li hemm il-ħsieb li jiġu mtejba s-sezzjonijiet tal-klieb u dik tal-Urban Search and Rescue biex jaħdmu b’iktar effiċjenza flimkien.
Dan apparti l-pjanijiet ta’ stazzjon tat-tifi ta’ nar f’Santa Venera u l-bidu tax-xogħol fil-fire station tal-Furjana li bħalissa jinsab fil-fażi ta’ tenders.