Tnediet kampanja dwar l-ispeċi aljeni fl-ibħra Maltin b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Sajd u l-Università ta’ Malta, bil-għan li tindirizza u żżid l-għarfien dwar iż-żieda tal-ispeċi aljeni li jħallu impatt fuq il-biodiversità fil-baħar li jdawwarna.
Il-Professur u riċerkatur tal-Ġeoxjenza, Alan Deidun spjega kif ir-riċerka turi li fil-baħar Mediterran hawn elf speċi aljeni filwaqt li fl-ibħra Maltin hawn mal-100 speċi.
“Dawn speċi li deħlin il-ħin kollu, mhix xi ħaġa li nistgħu nwaqfuha, deħlin kif jidħlu mal-vapuri l-kbar, jiġifieri f’żaqqhom f’dak li jgħidulu l-ballast water, l-ilma ta’ saborra, jew jidħlu mwaħħlin mal-vapuri stess jew jgħumu minn ġol-kanali jew anki xi drabi mill-industrija tal-akwarji. Allura importanti li aktar ma ninvolvu stakeholders f’din l-inizjattiva ovvjament aktar ikollna suċċess.”
Madanakollu, fl-aħħar 30 sena ġew innotati l-aktar.
“Ir-ritmu żdied ħafna, għax il-baħar Mediterran qed jisħon, qed jiġi jixbaħ dawk l-ibħra tropiċi minn fejn ġejjin dawn l-ispeċi. Dawn l-ispeċi ġejjin mill-Oċean Paċifiku u Indjan li huma oċeani sħan u l-Mediterran minħabba t-tibdil fil-klima aktar ma jmur aktar qed jisħon u ovvjament fejn qabel kienu jidħlu jmutu għax il-baħar kien kiesaħ wisq issa qed jgħixu hawn u jkattru u ovvjament jirriproduċu.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet fl-Università ta’ Malta, il-Pro Rettur il-Professur Godfrey Baldacchino qal li din il-kollaborazzjoni turi l-importanza tar-rabta bejn ix-xjenza u t-tagħlim.
Filwaqt li Dr Alicia Said saħqet kif is-sajjieda jipprovdu informazzjoni valida għaliex huma jkunu fuq il-baħar u jiltaqgħu ma’ diversi speċi.
Intant il-Ministru għas-Sajd Anton Refalo tenna kif f’pajjiżna rridu nkomplu nifirxu t-tagħlim dwar is-sajd.
“Il-kampanja hija fonti ta’ tagħlim, kif rajna għnadek tgħaqqid ma’ xulxin fejn minn naħa waħda għandek ix-xjenza minn fejn toħroġ l-innovazzjoni u r-riċerka, in-naħa l-oħra għandek it-tgħallim u minn naħa l-oħra għandek is-settur tagħna, propju s-settur tas-sajd fejn hemm importanti wkoll li jkollok l-innovazzjoni u r-riċerka.”