Illum huwa l-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidji.
Filwaqt li l-istatistiċi juru li t-tendenza ta’ self-harm jiġifieri li persuna tweġġa’ lilha nnifisha fiżikament, żdiedet, kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ nies li wettqu suwiċidju fl-aħħar tliet snin.
Kull sena, is-suwiċidju jkun fost l-aktar għoxrin raġuni komuni għal mewt fost persuni ta’ kull età.
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, huma madwar tmien mitt elf persuna li jneħħu ħajjithom b’idejhom kull sena madwar id-dinja.
Fil-jum li jfakkar l-importanza tal-prevenzjoni, u li titneħħa l-istigma minn fuq il-mard mentali, jiġi mtenni l-appell biex min iħossu mdejjaq ifittex l-għajnuna.
L-Aġenzija Appoġġ toffri għajnuna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum permezz tan-numru 179 – u dan mhux biss għal persuni li jkunu qed jikkontemplaw suwiċidju, iżda wkoll għal qraba ta’ dawk li tilfu lil xi ħadd li qatel ruħu b’idejh.