Fl-4:30 tal-lum waranofsinhar, il-kardinali eliġibbli se jidħlu għall-konklavi fil-Kappella Sistina, fil-Vatikan, biex b’hekk jiskatta l-proċess importanti għall-ħatra ta’ Papa ġdid.
Wara jiem ta’ diskussjonijiet u talb, issa tibda uffiċjalment il-votazzjoni sigrieta li tista’ ddum il-jiem sakemm jintlaħaq qbil ta’ żewġ terzi tal-voti fuq kandidat wieħed.
Il-pubbliku, fuq ix-xwiek, se jkun qed jistenna s-sinjal miċ-ċumnija tal-istess kappella bid-duħħan abjad, li jħabbar uffiċjalment li ntlaħaq qbil dwar l-għażla tas-suċċessur tal-Papa Franġisku, jew inkella d-duħħan iswed, li, bil-maqlub, jindika li għad mhemmx qbil.