Fix-xhur li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet fuq żewġ proġetti maġġuri ta’ spazji miftuħa u ħodor f’pajjiżna – il-proġett tat-triq prinċipali f’San Ġwann u Triq Sant’Anna fil-Furjana.
Iż-żewġ proġetti huma parti mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u parti mill-investiment tal-Gvern ta’ seba’ mitt miljun ewro għal proġetti kbar ta’ spazji miftuħa.
Dan tħabbar waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri.
Hawnhekk ġie spjegat kif iż-żewġ proġetti fil-pjanta oriġinali kellhom jaraw mina taħt l-art għat-traffiku, iżda din tneħħiet biex ma jkunx hemm impatt fuq l-ambjent u, fil-każ tal-Furjana, saħansitra nstab ukoll li taħt Triq Sant’Anna hemm fdalijiet storiċi.
L-ewwel xogħlijiet fuq il-proġett ta’ San Ġwann se jkun dak tal-parkeġġ taħt l-art.
“Huwa proġett li se jieħu medda ta’ tliet snin u se jinkludi park pubbliku, però aħna ovvjament il-pjan tagħna huwa l-apparti li jibda l-parkeġġ taħt l-art ukoll se nagħmlu l-interventi tagħna biex jibda jsir it-tisbiħ li hemm pjanat quddiem il-knisja u ż-żona tal-proġett.
Min-naħa l-oħra, wara konstulazzjoni pubblika l-ħsieb huwa li għal Triq Sant’Anna, jittellaq proġett pilota biex din tkun mingħajr karozzi fi ġranet magħżula.
“Allura qed naraw issa mezz ta’ kif nagħmlu pedestrianisation bl-aktar intervent minimu, nibdew naraw kif aħna nistgħu nagħmlu anke ġranet fejn tingħalaq it-triq, partikularment fil-weekend u jibdew isiru ċertu attivitajiet.”
Sadanittant, fl-istess sessjoni ta’ informazzjoni tħabbar kif, matul is-sena d-dieħla, medda ta’ 120,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa se jiġu rriġenerati hekk kif Project Green qed tippjana li tlesti 19-il proġett ieħor ġdid.
“Project Green qiegħda taħdem fuq 118-il proġett, hemmek qed nitkellmu fuq valur ta’ 350 miljun ewro, għaliex l-impenn li tajna lill-poplu li f’temp ta’ 7 snin inkunu qed inwasslu kemm jista’ jkun proġetti b’investiment u b’valur ta’ seba’ mitt miljun ewro. Ix-xogħol għaddej u se jkompli jiżdied fix-xhur u snin li ġejjin.”
Fit-totalità tagħhom il-118 proġett għandhom daqs ekwivalenti għal 240 grawnd tal-futbol.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll kif se jingħata bidu għax-xogħol fiżiku fuq proġetti bħal dak ta’ spazju miftuħ f’Bormla, ir-riġenerazzjoni tal-Ġonna ta’ San Anton f’Ħ’Attard, Ġebel San Martin fiż-Żejtun u l-Pinetum fl-akkwati tal-Furjana wkoll, fost l-oħrajn.