Rapport tal-Eurostat juri li fl-2024 ir-rata ta’ impjiegi fost dawk ta’ età bejn l-20 u l-64 sena f’Malta kienet ta 83%. Dan ifisser li għall-ewwel darba fl-istorja, pajjiżna kellu t-tieni l-aqwa rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt sal-2023 pajjiżna kellu l-ħames l-għola rata, imma s-sena li għaddiet irnexxielu jaqbeż ir-rata tal-impjiegi fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, kif ukoll l-Isvezja. Issa hija biss l-Olanda li b’83.5% għandha rata ta’ impjiegi ftit aqwa minn dik ta’ Malta.
Is-sena li għaddiet ir-rata ta’ impjiegi madwar l-Unjoni Ewropea bħala medja kienet ta’ 75.8%, jew 7.2 punti perċentwali anqas minn Malta. L-agħar rata ta’ impjiegi kienet fl-Italja fejn kienu biss 67 minn kull 100 persuna li jaħdmu, b’kuntrast għal pajjiżna fejn 83 minn kull 100 kellhom impjieg.
Is-sena li għaddiet biss, f’pajjiżna kellna żieda ta’ 1.7 punti perċentwali fir-rata ta’ impjiegi. F’sitt pajjiżi saħansitra r-rata jew naqset jew staġnat fl-2024.
Ta’ min ifakkar li fl-2012 pajjiżna kellu rata ta’ impjiegi ta’ 63.9% biss, jew ferm taħt il-medja Ewropea ta’ dak iż-żmien li kienet 66.9%. Dakinhar kien hemm distakk enormi bejn Malta u l-Isvezja, fejn ir-rata ta’ impjiegi kienet ta’ 79.1%. Fir-rapporti tagħhom l-aġenziji internazzjonali bħall-Fond Monetarju kienu jsostnu li pajjiżna kien ser idum ġenerazzjonijiet biex ineħħi dan id-distakk li kien qed iwassal għal ritmu ekonomiku batut u telf ta’ potenzjal ekonomiku.
Imma grazzi għar-riformi kbar li seħħew wara l-2013, fosthom id-dħul taċ-childcare b’xejn u t-tapering tal-benefiċċji soċjali, f’pajjiżna kellna żieda ta’ 19.1 punti perċentwali fir-rata ta’ impjiegi, mentri fl-Isvezja ż-żieda kienet kważi għaxar darbiet anqas.
Analiżi ppublikata din is-sena miċ-Chief Economist tal-Bank Ċentrali, Dr Aaron Grech tindika li tnejn minn kull tlieta taż-żieda fl-impjiegi f’pajjiżna kienet dovuta għar-riformi li daħħal il-Gvern wara l-2013. L-istudju tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li tmienja minn kull għaxar impjiegi ġodda li ħadu l-Maltin u l-Għawdxin fl-aħħar snin kienu f’karrieri maniġerjali, professjonali jew tekniċi.