Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li kien hemm żieda fin-numru ta’ interventi u operazzjonijiet li saru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex matul is-sena li għaddiet.
Fl-2024, l-Isptar ta’ Għawdex irreġistra numru rekord ta’ 5,529 intervent, żieda ta’ 14% fuq is-sena 2023. Din iċ-ċifra tikkumpara tajjeb maż-żieda fin-numru ta’ interventi u operazzjonijiet li saru fl-Isptar Mater Dei fl-istess żmien.
Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li grazzi għall-investiment fir-riżors uman, wassal għal din iż-żieda hekk kif aktar infermiera, qwiebel u radjografi Għawdxin qed jaħdmu f’Għawdex stess u n-numru ta’ kirurgi speċjalisti żdied għal 15. Dan apparti l-investiment kontinwu fir-radjoloġija permezz ta’ żieda fis-servizzi b’erba’ radjoloġisti speċjalisti u tagħmir ta’ eċċellenza. Dan filwaqt li fil-Kura Primarja u fil-qasam ta’ screening qed tkompli ssir id-dijanjosi ta’ diversi kundizzjonijiet, fosthom il- kanċer tas-sider u tal-musrana l-kbira.

“Il-Gvern determinat li joffri aktar servizzi mediċi tal-ogħla livell, mingħajr ħlas, liċ-ċittadini Għawdxin u Maltin, filwaqt li ħa jibqa’ impenjat li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjegati li joffru servizz ta’ eċċellenza,” saħaq il-Ministru Abela.
Il-Ministru Jo Etienne Abela rringrazzja lill-impjegati kollha tal-isptar għall-ħidma u dedikazzjoni tagħhom li jaqdu dmirhom sabiex il-pazjenti fil-bżonn jirċievu kura ta’ kwalità. “Inħares ’il quddiem għall-iżvilupp ta’ żewġ swali ġodda tal-operazzjonijiet f’dan l-isptar li se jkunu qed joffru aktar spazju għal aktar interventi,” temm jgħid Dr Abela.