Il-Bank of Valletta kiseb prestazzjoni rekord għas-sena finanzjarja 2024, bi profitt qabel it-taxxa ta’ €302.4 miljun, li jirrifletti żieda ta’ 20.2% meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairperson tal-bank Dr Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia u s-Chief Financial Officer Kevin Cardona, li fi kliemhom tennew li dan jirrifletti anke l-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna.
Fil-fatt ġiet irreġistrata żieda ta’ madwar €700 miljun fid-depożiti tal-klijenti tal-BOV għal total ta’ €12.8 biljun fl-2024, xprunati kemm minn depożiti kummerċjali kif ukoll minn depożiti personali.
Dawn tpoġġew f’assi li jġorru l-imgħax fit-tul bil-portafoll tal-kreditu jiżdied b’aktar minn €700 miljun u l-portafoll tal-investimenti b’€983.2 miljun. Fl-istess ħin tħabbar li l-bord tad-diretturi se jirrakkomanda ħlas tad-dividend gross ta’ €130.7 miljun.
Is-self nett mill-klijenti żdied bi 11.6% għal €6.9 biljun sa tmiem is-sena, bil-portafoll tal-kreditu juri tkabbir konsistenti primarjament minħabba negozju sostnut fl-oqsma kollha, inklużi self tan-negozju, self tad-djar u self personali.
Il-bord se jirrakkomanda ħruġ ta’ bonus ta’ sehem żejjed għal kull għaxar ishma. Se jipproponi wkoll inizjattiva ta’ share-buyback biex tiżdied il-likwidità tal-istrument ta’ ekwità tal-bank fis-suq, mingħajr ma jitħassru l-ishma u se jkun qed jikkunsidra wkoll ħruġ ulterjuri ta’ bonds mill-programm tal-Euro Medium Term Bond sa €250 miljun.
Il-karta tal-bilanċ tal-bank kibret għal €15-il biljun, filwaqt li l-kreditu kiber b’€700 miljun matul is-sena, bir-rati tal-imgħax tal-bank jibqgħu fost l-aktar baxxi fiż-Żona Ewro.
L-ispejjeż totali tal-BOV għas-sena 2024 ammontaw għal €216.7 miljun, 2.8% ogħla mis-sena ta’ qabel. L-ispejjeż relatati mal-impjegati baqgħu l-ikbar spiża, fejn il-bank ikompli jinvesti fit-talent, segwit minn spejjeż relatati mat-teknoloġija bħala parti mill-ispinta strateġika tiegħu għad-diġitalizzazzjoni.
Standard & Poor’s Global Ratings irrikonoxxiet id-diversi inizjattivi u r-riżultati tal-bank miksuba s’issa billi żiedet il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu għal BBB.
Il-BOV assigura lill-klijenti tiegħu li fis-snin li ġejjin se jibqa’ b’qagħda stabbli u sostenibbli, dan fi sfond fejn banek minn madwar id-dinja qed jaraw il-profitti tagħhom dejjem jonqsu bil-kbir.