Kull ma jmur it-Teatru Manoel, qed jikseb suċċessi enormi, kemm fejn jidħlu l-produzzjonijiet, il-prestazzjonijiet u anke l-attendenza tan-nies għalihom.
Dan kollu jikkonfermawh ċifri uffiċjali li kiseb ONE NEWS, li juru kif minn sena għal sena n-nies qed ikunu għatxana sabiex jattendu t-teatru għal waħda mill-produzzjonijiet differenti u ta’ kalibru li jittellgħu fuq il-palk tat-Teatru Nazzjonali Malti, fil-Belt Kapitali.
Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn l-attendenza li kien hemm is-sena l-oħra, din laħqet it-52,522 persuna, li jfisser 4% aktar meta wieħed iqabbel fuq is-sena ta’ qabel, l-2023. L-istess ċifri li għandna juru li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, diġà attendew 13,457 għal waħda mill-produzzjonijiet li ttellgħu.
Fejn jidħlu produzzjonijiet, is-sena l-oħra dawn ammontaw għal 51 jew 23% aktar fuq is-sena ta’ qabel li fiha saru 42 produzzjoni.
In-numru ta’ prestazzjonijiet, jiġifieri kemm-il darba intweriet kull produzzjoni, dawn ammontaw għal 135, 7% aktar minn fuq is-sena ta’ qabel.
Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw kemm din l-industrija sena wara sena qed tikber u għalhekk, ċertament se jinħoloq aktar xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin.
Fl-isfond tas-sett tal-produzzjoni, ‘Is-Surmast’, ONE NEWS ħa r-reazzjoni tal-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Monoel, Edward Zammit, li saħaq li l-għan aħħari tagħhom huwa li lin-nies dejjem ituhom produzzjoni ta’ kwalità.
“Ix-xogħol tagħna ovvjament ħafna minnu jsir minn wara l-kwinti jkun hemm ħafna preparazzjonijiet, it-taħriġ tan-nies, id-dedikazzjoni tan-nies, għax irridu nirealizzaw illi meta n-nies qegħdin jieħdu pjaċir, aħna qed naħdmu biex dak l-entertainment qiegħed isir kif suppost u kif jixtiequ n-nies. Id-dover tagħna huwa li nsibu l-materjal li huwa ta’ kwalità u nipproduċuh iktar minn xejn il-kwalità mhux kwantità, illi n-nies iħallsu good value for money.”
Edward Zammit – Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel
Kellna wkoll l-opportunità li b’għajnejna naraw dak li jiġri minn wara l-kwinti, fejn it-teatru għandu aktar minn 52 ħaddiem li minkejja ma jidhrux, mingħajr xogħol ma tittella’ l-ebda produzzjoni.
Fost dawn hemm il-ħajjata, li jum wara jum jaħdmu fuq il-kostumi għal għadd ta’ produzzjonijiet, bit-teatru huwa mgħammar ukoll b’kmamar li fihom hemm miġbura mijiet ta’ kostumi li ntużaw fil-passat u li anke jistgħu jintużaw f’produzzjonijiet futur u għal attivitajiet oħra.
Rajna wkoll lill-mastrudaxxi u ħaddiema oħra, li kienu qed jaħdmu fuq is-settijiet li eventwalment naraw fuq il-palk tat-teatru.
Tkellimna wkoll mal-Ministru responsabbli, Owen Bonnici li tenna l-impenn tal-Gvern favur dan il-qasam.
“Dan huwa rinaxximent ta’ settur li miexi ‘l quddiem ħafna dan huwa mertu tal-artisti infushom u l-kreattivi bravissimi. Ukoll il-Gvern dejjem kien ta’ spalla biex jagħti l-opportunità b’numru ta’ inizjattivi u finanzjament biex dan is-settur dejjem jimxi ‘il quddiem.”
Il-Ministru Owen Bonnici