Pajjiżna ra żieda fl-operazzjonijiet li saru fl-elfejn tlieta u għoxrin, minn dawk maġġuri għal oħrajn minuri, fejn b’kollox saru kważi sebgħa u sittin elf taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa pubblika.
Ċifri uffiċjali, li għandu dan l-istazzjon, juri li matul is-sena l-oħra kien hemm total ta’ sitta u sittin elf, disgħa mija u erbatax-il operazzjoni, żieda ta’ erbgħat elef, sitt mija u tmenin operazzjoni fuq is-sena elfejn tnejn u għoxrin.
Minn dawn, fl-Isptar Mater Dei saru aktar minn tmienja u ħamsin elf operazzjoni, qabża ta’ madwar tlett elef fuq perjodu ta’ sena.
Aktar minn elf u sitt mitt operazzjoni oħra saru għand il-privat, iżda mħallsin mill-Istat, biex jitnaqqsu listi ta’ stennija li wkoll akkumulaw matul il-pandemija, fejn ċerti operazzjonijiet kellhom jitwaqqfu kompletament.
Iżjed minn ħamest elef u mitejn operazzjoni twettqu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Minbarra hekk, ġew irreġistrati wkoll numru ta’ operazzjonijiet minuri fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, fejn saru seba’ mija u tlieta u sebgħin minn dawn it-tip.
Dawn ir-riżultati pożittivi qed jinkisbu permezz tal-impenn tat-tmexxija, tal-ħaddiema u l-professjonisti fis-servizzi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.
Dan bi pjan biex ikun hemm użu aħjar tar-riżorsi, inkluż is-swali tal-operazzjonijiet, u b’hekk tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqas id-dewmien, inkluż bl-użu tat-teatri tal-operazzjoniiet is-Sibtijiet u l-Ħdud, u anke matul il-lejl.
Fl-aħħar jiem, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, ħabbar li l-Gvern qed iħares lejn pjani, li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna għall-għoxrin u t-tletin sena li ġejjin.