Fl-2023, l-għadd taʼ studenti barranin li attendew korsijiet f’pajjiżna fl-iskejjel illiċenzjati għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża kien jaqbeż it-78,000, żieda taʼ kważi 22,000 fuq l-2022.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-istudenti jew kważi 74% kienu ġejjin minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, partikolarment mill-Italja, il-Ġermanja u Franza.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ukoll uriet li kien hemm żieda sinifikanti wkoll fl-għadd ta’ żmien li dawn l-istudenti qattgħu fostna, b’total ta’ aktar minn 270,000 ġimgħa taʼ tagħlim. Dan fisser żieda ta’ kważi 30,000 ġimgħa fuq l-2022.
Il-parti l-kbira tal-istudenti tal-Ingliż kellhom 15-il sena jew inqas, b’persentaġġ ta’ iżjed minn 28 fil-mija tal-istudenti kollha li ġew għal dawn il-korsijiet. L-istudenti femminili kienu aktar minn dawk maskili u kienu jgħoddu għal kważi 62 fil-mija.
Skont l-NSO, l-akbar għadd ta’ studenti waslu fostna matul Lulju fejn l-iskejjel relatati kellhom l-akbar attendenzi, segwit mix-xhur taʼ Awwissu u Marzu rispettivament.
Il-kors bl-akbar għadd taʼ studenti kien dak tal-‘General English: Standard’, li għamluh total taʼ 57,384 student jew 73.1 fil-mija. Warajh, kien hemm il-korsijiet tal-‘Intensive English’ li għamluhom 16.5 fil-mija tal-istudenti kollha.