Ġiet inawgurata binja oħra ta’ akkomodazzjoni soċjali, din id-darba fil-lokalità tal-Qrendi. Din il-binja, li se tilqa’ ħdax-il familja u tinkludi seba’ garaxxijiet, saret b’investiment totali ta’ miljun u nofs ewro.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, tenna li din is-sena nfetħu total ta’ erba’ blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali, fejn il-Gvern investa mat-tmien miljun ewro biex jitgawdew minn erbgħa u sittin familja.
F’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, il-Ministru qal li dan l-investiment kollu hu parti mill-politika nazzjonali tal-Gvern biex itejjeb il-ħajja ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tal-Istat.
“Inkomplu nagħtu bixra ġdida lil dawk nies vulnerabbli, li għandhom dħul baxx biex ikollhom akkomodazzjoni fuq rashom. Imma wkoll finalment li naraw li jagħmlu kambjament fil-ħajja tagħhom. Għalhekk qed ninsistu li l-akkomodazzjoni soċjali qegħda hemm biex tgħinek sakemm ikollok bżonnha u kif għandek bżonnha għal quddiem.”
Roderick Galdes – Ministru
Din il-binja l-ġdida fil-Qrendi ssemmiet għal Joe Bartolo, attivist magħruf fil-qasam soċjali.