Fl-2023, intlaħaq rekord ta’ każi solvuti ta’ użu ħażin tal-ilma li ġew solvuti mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-istess korporazzjoni, Karl Cilia, waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti u li fiha ġie spjegat kif l-2023 kienet sena importanti għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Fil-fatt, ġew elenkati sensiela ta’ kisbiet rekord li jenfasizzaw il-ħidma kbira li saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u li tenfasizza r-rwol ċentrali tagħha fil-ġestjoni u s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-ilma ta’ pajjiżna.
F’dak li għandu x’jaqsam każi ta’ użu ħażin tal-ilma, fosthom ta’ serq, il-korporazzjoni ġabret lura mal-miljun ewro. Dan minbarra li l-effiċjenza tan-netwerk tal-ilma issa qed tlaħħaq għal 72.7% minn 52% fl-2011.
Qal, “Aħna żgurajna li nimmassimizzaw s-savings tagħna. Savings minn non-revenue water, jiġifieri ilma li aħna nipproduċu u fl-aħħar mill-aħħar jasal u nibbiljaw għalih għand in-nies tagħna. Naqqasnih drastikament. Naqqasnih bi 3.5% fuq is-sena ta’ qabel li kienet sena rekord.”
Cilia sostna wkoll kisbiet importanti oħrajn li għamlet il-Korporazzjoni, fosthom it-tnaqqis rekord fil-ħela ta’ ilma.
Qal, “Naqqasna l-leakages tagħna. Bħalissa qegħdin ċirka 9.5% u komplejna nnaqqsu. Għandna leakage index ta’ 1.8 meta mqabbel ma’ figuri ta’ 3, 4, 5 ta’ pajjiżi oħrajn. Naqqasna l-apparent losses.”
Sadanittant ġiet irreġistrata produzzjoni rekord ta’ 6.7 miljun metru kubu ta’ ilma, l-ogħla fl-aħħar 20 sena, biex tilqa’ t-talbiet dejjem jikbru tat-tkabbir fl-ekonomija u s-settur turistiku. Dan minbarra kwantità rekord ta’ 1.6 miljun metru kubu ta’ New Water fornut lill-komunità tal-biedja.
Qal, “Dawn is-savings kollha wasslu f’rekord ta’ growth. Financial growth ta’ 9%. Immassimizzajna profitti, qbiżna l-100% fi profitti tagħna u dan wassal f’rekord ta’ investiment. Rekord ta’ investiment fejn 85% tal-Baġit allokat ġie kollu disbursed u nfaqnieh.”