Is-sena li għaddiet, aktar minn tmienja u sebgħin elf student ġew f’pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż, u din l-industrija ġġenerat mija u ħamsa u ħamsin miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
Dan intqal fi preżentazzjoni tar-rapport annwali għas-sena li għaddiet imħejji mill-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Ingliż f’Malta, FELTOM, fejn ġie spjegat li s-sena l-oħra ġew Malta total ta’ tmienja u sebgħin elf, ħames mija u sebgħa u sittin student; żieda ta’ kważi tnejn u għoxrin elf meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Ġie nnutat ukoll kif iż-żmien li qattgħu l-istudenti f’Malta kompla jiżdied, b’iktar minn ħmistax fil-mija s-sena l-oħra meta mqabbel mal-elfejn u dsatax.
L-istudenti qagħdu medja ta’ erbgħa u għoxrin lejl f’pajjiżna.
L-istħarriġ innota wkoll li swieq prominenti li minnhom ġew l-istudenti għall-programmi tas-sajf, kienu pajjiżi li tradizzjonalment mhumiex is-sors tat-turiżmu għal Malta, bħall-Brażil, il-Ġappun u l-Kolombja.
Ic-chairperson ta’ FELTOM, Rebecca Bonnici, tenniet li hu ta’ privileġġ għal din l-organizzazzjoni li qed tilqa’ iktar minn sittin fil-mija tal-istudenti li jiġu f’pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż minn erbgħin pajjiż.
“L-ewwel kwart tas-sena normalment naraw iktar studenti li jagħmlu iktar żmien fil-pajjiż tagħna jistudjaw l-Ingliż biex jippreparaw ħa jagħmlu ċerti eżamijiet. Jiena konvinta li Lulju u Awwissu ħa nerġħu naraw l-ammont ta’ Young learners li jiġu fil-pajjiż tagħna imbagħad nerġgħu f’Ottubru naraw upsearch fil-klijenti u aħna qed ikollna aktar seats fuq l-ajruplani li qed jiġu lejn il-gżejjer tagħna li ma jaqgħux biss fil-high season tipiku ta’ Malta u Għawdex imma nġeddu l-istaġun sena fuq sena.”
Għal din il-konferenza kien preżenti l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li tenna kif it-tagħlim tal-Ingliż huwa pedament sod għat-turiżmu f’pajjiżna għaliex l-istudenti qed jiġu Malta mhux biss fix-xhur tas-sajf imma matul is-sena kollha.
“Dan is-settur tal-english learning student huwa settur importanti ħafna għat-turiżmu f’pajjiżna però rridu naraw li nkomplu nirriformaw għaż-żmien li ġej sabiex b’hekk aħna naraw li jkollna studenti li jqattgħu żmien itwal f’pajjiżna u jonfqu iżjed flus hawn Malta u għalhekk qegħdin immorru sabiex nagħmlu targeting speċifiku għal dawn is-swieq partikolari li nemmen li kapaċi li jrendu iktar flus u qligħ b’impatt inqas għall-komunità kollha kemm hi sabiex b’hekk igawdi l-pajjiż kollu kemm hu.”