F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Safeguarding Commision fi ħdan il-Kurja ppubblikat ir-rapport annwali li minnu ħareġ kif is-sena l-oħra, daħlu 36 rapport ta’ allegati każi ta’ abbuż.
Sebgħa mill-każi jmorru lura għal aktar minn għaxar snin.
Minn dawn is-36 rapport, 19 kienu vittmi minorenni ta’ taħt it-18-il sena, u 17 kienu adulti vulnerabbli, b’dawn tal-aħħar ikunu allegatament sfaw vittma ta’ vulnerabbiltà f’każ ta’ żbilanċ tal-poter.
Fl-2023, il-Kummissjoni rnexxielha tikkonkludi 26, li tmintax minnhom kienu jinvolvu minorenni, u t-tmienja l-oħra involvew adulti vulnerabbli.
Mill-każi li involvew minorenni, erba’ biss kellhom provi sostanzjati, filwaqt li tlieta mill-każijiet ġew investigati internament mill-organizzazzjoni.
Mill-erba’ każi ta’ provi sostanzjati, tnejn kienu dwar ilmenti ta’ abbuż sesswali minn saċerdoti Djoċesani.
Mit-tmien każi li involvew adulti vulnerabbli, erbgħa kellhom provi sostanzjati u erbgħa oħra ġew konklużi li kienu każijiet antiki, jiġifieri seħħew aktar minn għaxar snin ilu.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat lill-ġurnalisti li s-Safeguarding Commission għandha l-missjoni li tħares il-vittmi, u toħloq prattiċi biex tiġi evitata kull forma ta’ abbuż relatat ma’ safeguarding.
Bl-istess mod għandha l-għan li tagħmel risk assessments, u tagħti l-għajnuna meħtieġa lill-vittmi.
Għaldaqstant, is-sena l-oħra, il-Kummissjoni għamlet riċerka fuq 5,500 persuna u pprovdiet 22 sessjoni ta’ taħriġ lil madwar 1,300 ħaddiem tal-Knisja. Dan it-taħriġ se jgħin lil kull min hu involut fil-Knisja biex jipprevjeni dawn il-każijiet milli jseħħu.
Kull min jixtieq ikellem lis-Safeguarding Commission jista’ jċempel fuq 22470950 jew jibgħat email info@safeguarding.mt. Aktar dettalji jinstabu fuq safeguarding.mt