Matul is-sena li għaddiet, tħawwlu 35,600 siġra u arbuxell f’aktar minn 54 lokalità f’Malta u Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, li qalet li dawn is-siġar se jkunu fost l-ewwel kontribuzzjonijiet ta’ pajjiżna għall-mira tal-Unjoni Ewropea li fl-Ewropa jitħawwlu tliet biljun siġra sal-2030.
Waqt tħawwil ta’ siġar fil-Park tal-Majjistral, il-Ministru Dalli spjegat li dawn is-siġar li qed jitħawwlu se jkunu rreġistrati f’MapMyTree, li hija l-applikazzjoni online li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea.
Hija qalet, “Qegħdin inkunu wkoll parti mill-iniżjattiva Ewropea MapMyTree, fejn kull wieħed u waħda minnha għax anki individwi privati, għaqdiet, entitajiet governattivi jistgħu jimmappjaw u fejn qegħdin inħawlu s-siġar f’pajjiżna.”
Il-Ministru fakkret ukoll li l-Ministeru għadu kif waqqaf l-aġenzija Project Green sabiex tiffoka u tixpruna t-twettiq ta’ dan il-pjan tal-gvern li f’seba’ snin jinvesti €700 miljun f’kull lokalita.
Intqal li fost l-ewwel proġetti tagħha, l-aġenzija Project Green se tħawwel mas-7,500 siġra indiġena, li ser jiġu ffinanzjati mis-settur privat bħala parti mill-impenn tagħhom lejn il-prinċipji tal-ESG.