Matul l-elfejn tnejn u għoxrin, Malta kellha t-tieni l-ogħla rata ta’ tobba grawdati fl-Unjoni Ewropea hekk kif kellha kważi 28 tabib għal kull mitt elf persuna. Min-naħa l-oħra, il-medja rreġistrata fil-pajjiżi Ewropej kienet ferm inqas bi 15.5 għal kull mitt elf resident.
Ċifri mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, urew li r-rata ta’ Malta hi t-tieni l-ogħla fl-Unjoni Ewropea kollha, waqt li taqbiżna biss il-Bulgarija bi kważi tletin tabib għal kull 100,000 persuna.
Min-naħa l-oħra, l-inqas rata ġiet irreġistrata fis-Slovenja bi ħdax-il tabib għal kull mitt elf persuna.
L-istess statistika miġbura mill-Eurostat turi li, b’kollox, fl-elfejn, tnejn u għoxrin, kien hemm kważi sebgħin elf tabib iggradwat fl-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li b’kollox kien hemm ftit iżjed minn ħmistax-il tabib għal kull mitt elf persuna fl-Unjoni Ewropea, tnaqqis marġinali fuq is-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2021.
Statistika separata wriet li, fl-istess perjodu tal-elfejn, tnejn u għoxrin, fl-Unjoni Ewropea kollha kien hawn ftit aktar minn erbatax-il elf dentist ikkwalifikat biex iwettaq il-professjoni tiegħu.
F’termini reali, dan ifisser li fl-Unjoni Ewropea hemm tliet dentisti għal kull mitt elef persuna.
Fuq livell nazzjonali, ir-Rumanija kellha l-ogħla rata bi kważi għaxar dentisti ggradwati għall-istess ammont ta’ residenti.
Din id-darba, bil-maqlub, Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ professjonisti fil-qasam tad-dentistrija, b’inqas minn zero punt wieħed fil-mija għak kull mitt elf, jew inqas minn ħamsin elf dentist gradwat.