Fl-2022, il-ġenerazzjoni kollha tal-iskart solidu laħqet żewġ miljun u sitt mitt elf tunellata biex bʼhekk żdiedet b’4.4 fil-mija meta mqabbla mal-2021.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif intqal li l-iskart perikoluż żdied b’6.1 fil-mija jew 2,624 tunellata, filwaqt li l-iskart mhux perikoluż żdied b’4.4 fil-mija jew 107,446 tunellata.
F’termini assoluti l-ogħla żidiet dehru fl-iskart minerali mhux perikoluż li ġej mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ bi 87,043 tunellata u fl-iskart domestiku u skart simili bi 18,529 tunellata.
Min-naħa l-oħra, l-akbar tnaqqis kien irreġistrat fir-residwi mhux perikolużi li jirriżultaw mis-separazzjoni tal-iskart b’6,849 tunellata u l-ħama li jirriżulta mit-tisfija tad-drenaġġ b’6,684 tunellata.
Fl-2022, it-trattament tal-iskart ammonta għal 2.5 miljun tunellata, u żdied b’6.1 fil-mija fuq l-2021. Kienu rreġistrati żidiet fir-riċiklaġġ b’225,940 tunellata u fʼtipi oħrajn taʼ rimi b’2,244 tunellata.
Min-naħa l-oħra, kien irreġistrat tnaqqis fir-radam fil-barrieri ta’ 70,467 tunellata, fl-irkupru tal-enerġija, fl-inċinerazzjoni u fir-rimi fil-miżbliet.
Matul l-2022, kienu rreġistrati żidiet fl-iskart li daħal fl-istazzjon tat-trasferiment tal-iskart f’Tal-Kus Għawdex b’374 tunellata, fl-Impjant tat-Trattament Mekkaniku-Bijoloġiku tat-Tramuntana ta’ Malta bi 8,862 tunellata u fl-impjant tat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’Antnin bi 3,172 tunellata).
Minbarra hekk, dehret żieda ta’ 5.1 fil-mija għall-iskart li ntrema fil-miżbla tal-Għallis.
Intant, fl-2022, il-ġbir separat tal-iskart naqas fil-modi kollha ħlief għall-ġbir tal-ħġieġ bieb bieb fejn l-ammonti żdiedu b’0.9 fil-mija jew bi 30 tunellata.
L-akbar tnaqqis, li jammonta għal 4,188 tunellata kien irreġistrat fil-ġbir tal-iskart miċ-ċentri għall-iskart goff, segwit mill-ġbir tal-iskart organiku bʼ2,678 tunellata. It-tnaqqis mill-ġbir tal-boroż griżi/ħodor u mill-bring-in sites ammonta għal 422 tunellata u 265 tunellata rispettivament.