Matul is-sena li għaddiet id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret mad-19,000 tunnellata skart wara numru ta’ lmenti li rċeviet fit-taqsima tal-assistenza lill-klienti, li taħdem 24 siegħa kuljum.
Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mill-qasam tat-tindif, Clayton Bartolo, f’aġġornament parlamentari.
Huwa spjega li f’sena waħda din it-taqsima rċeviet aktar minn 12,000 ilment.
“L-indafa f’pajjiżna hija prijorità u, għaldaqstant, il-Cleansing & Maintenance Division qiegħda taħdem sabiex tassigura li jkollha livelli ogħla u aħjar ta’ ndafa. Kien għalhekk li ninnutaw li, matul is-sena li għaddiet, inġabru ’l fuq minn 19-il elf tunnellata ta’ skart minn madwar il-pajjiż kollu.“
B’hekk, aktar minn 98% tal-ilmenti li ressqu n-nies ġew solvuti b’mod dirett minn din id-Diviżjoni.
Intant, il-Ministru Bartolo semma wkoll is-suċċess ta’ proġett pilota mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, il-Belt Valletta, Birżebbuġa, iż-Żurrieq, u Marsaxlokk – proġett pilota li l-għan tiegħu huwa li jiġu stabbiliti standards xierqa ta’ ndafa bil-għan li jiġi estiż dan is-servizz lil kunsilli lokali oħrajn li jitolbu l-intervent ta’ indafa mingħand id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
“Irrid nirrimarka wkoll is-suċċess li qed jinkiseb fi proġett pilota ma’ ħames kunsilli lokali fejn, bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet, inġabru madwar mija u sittax-il tunnellata ta’ skart minn ġot-toroq ta’ dawn il-lokalitajiet.“
Intant, il-Ministru Bartolo enfasizza wkoll l-investiment massiċċ li sar f’din id-diviżjoni tant importanti għall-indafa f’pajjiżna.
Fost l-oħrajn semma l-invesiment f’disa’ sand sifters – makkinarju speċjalizzat li jgħarbel ir-ramel u jneħħi l-iskart irqiq minn ġo fih. Dan sar b’investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro bejn Clean Malta u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, li permezz tiegħu l-Gvern kompla jieħu ħsieb l-indafa u s-sigurtà tal-bajjiet f’pajjiżna.
Dan sar anke minħabba l-fatt li x-xhur sajfin jitolbu aktar impenn u ħidma minn din id-diviżjoni. Fid-dawl ta’ dan, żdiedet anke l-frekwenza tat-tindif tant li s-sajf li għadda stess ġie introdott servizz ġdid fil-bajjiet lokali, li permezz tiegħu żdiedet ir-rapidità ta’ tindif għal kmieni filgħodu, wara nofsinhar u anke filgħaxija.
Il-Ministru Bartolo spjega wkoll li sar ħafna aktar investiment, inkluż f’7 electric pedestrian sweepers li qegħdin jintużaw f’żoni turistiċi, fosthom il-Belt Valletta u l-promenade li jibda mill-Gżira u jkompli San Ġiljan.