Statistika maħruġa mill-Eurostat indikat li, matul l-2022, il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta, ras għal ras, laħaq il-medja taż-Żona Ewro għall-ewwel darba fl-istorja.
B’hekk bdiet titwettaq il-proposta numru tnejn tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista, ‘Malta Flimkien’, li ttenni li “fl-aħħar snin il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna żdied b’mod konsiderevoli u laħaq il-medja tal-ġid nazzjonali fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Issa qed nimmiraw li l-ġid nazzjonali, ras għal ras, f’pajjiżna jiżboq ukoll il-medja taż-Żona Ewro u l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jara l-għajxien tiegħu mtejjeb.”
L-ewwel darba li l-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna qabeż dak tal-medja tal-UE kien proprju fl-2017. Imma minħabba li l-ekonomiji taż-Żona Ewro huma aktar għonja mill-bqija fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna xorta kellu distakk ma’ dawn il-pajjiżi aktar avvanzati ekonomikament.
Bil-pandemija, l-ekonomija ta’ pajjiżna ħadet daqqa akbar minn dik tal-bqija taż-Żona Ewro, l-aktar minħabba li hi dipendenti aktar fuq it-turiżmu, li spiċċa fost l-aktar industriji li laqqtuha bir-restrizzjonijiet imposti.
Imma fis-snin ta’ wara, minbarra li t-turiżmu rkupra aktar malajr milli kien imbassar, hu iżjed importanti minn hekk li setturi oħrajn, speċjalment dawk professjonali u diġitali, kibru b’rata qawwija ħafna. Tant li diġà fl-2021 pajjiżna kien mar lura għal kif kien fl-2019 biex, imbagħad, fl-2022 spiċċa laħaq għall-ewwel darba l-medja taż-Żona Ewro.
Matul din is-sena, l-ekonomiji taż-Żona Ewro marru ħażin ħafna u bilkemm mistennija jikbru fl-aħħar tagħha. Bil-maqlub, l-ekonomija Maltija qed tkompli tikber b’rata ferm qawwija u b’hekk, għalkemm il-figuri uffiċjali għall-2023 għadhom mhumiex miġburin, hu fatt ċert li l-ekonomija Maltija se tkun qabżet sewwa l-medja taż-Żona Ewro. Dan ikun ifisser li, f’sena waħda, mira ewlenija ekonomika tal-manifest Laburista se tkun intlaħqet.
Dan hu konferma oħra ta’ kemm l-ekonomija Maltija rkuprat bil-qawwa mix-xokk tal-pandemija u mhux li tant kienet affettwata mill-kriżi enerġetika daqskemm ħakmet lill-pajjiżi madwarna, grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jilqa’ għad-daqqiet internazzjonali u ma jgħabbix iż-żidiet kbar internazzjonali fuq il-familji u n-negozji.