Is-sena li għaddiet, l-aħbarijiet kienu kkaratterizzati minn numru ta’ rapporti ta’ mwiet, li f’każ minnhom saħansitra kien tilef ħajtu żiemel wara li kien waqa’ minn għoli fi triq li minnha jgħaddi amont kbir ta’ traffiku fl-Imsida.
B’kollox ġew irraportati 67 fatalità, jiġifieri medja ta’ aktar minn inċident fil-ġimgħa.
L-ewwel inċident fatali tas-sena l-oħra kien fit-tnejn ta’ Jannar, meta anzjana ta’ 80 sena mill-Ħamrun tilfet ħajjitha wara li ttajret minn karozza fl-istess lokalità. Dan l-inċident sfortunat kien wieħed minn 24 inċident tat-traffiku fatali. Erbgħa minn dawn l-inċident seħħew fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa. L-ewwel inċident seħħ fl-10 ta’ April, bit-tieni wieħed iseħħ għaxart ijiem wara. Il-vittmi f’dawn l-erba’ inċidenti kienu kollha rġiel ta’ nazzjonalità barranija: żewġ Eritreani, Sużaniż u ieħor mill-Venezwela.
Inċident tat-traffiku li ħalla bosta xxukjati kien dak li seħħ nhar il-ħamsa ta’ Awwissu, meta raġel miż-Żejtun kien instab f’għalqa wara li kien ittajjar minn karozza li baqgħet sejra. Dwar dan il-każ ta’ hit and run għaddejjin proċeduri l-Qorti kontra s-sewwieq li allegatament tajjar liż-Żejtuni.
Is-sena l-oħra kien hemm 11-il rapportaġġ fatali li saru fuq postijiet tax-xogħol, bil-maġġoranza tagħhom isiru f’siti ta’ kostruzzjoni. L-aħħar inċident sfortunat seħħ fit-tlieta ta’ Diċembru, li ħasad il-ħajja ta’ ġuvni ta’ 20 sena u li huwa fost l-iżgħar vittmi tas-sena 2022.
L-istess amont ta’ fatalitajiet seħħew fil-baħar, bi tlieta minnhom kienu ta’ persuni li sabu diffikultà waqt li kienu jgħumu. Inċident sfortunat ieħor kien il-mewt ta’ bugħaddas li kien intlaqat minn dgħajsa waqt li kien qed jogħdos. Is-sena l-oħra wkoll, itellgħu ħames kadavri mill-baħar, bi tnejn minnhom jittellgħu fl-istess ġurnata. Inċidenti fatali l-oħra kienu ta’ Ingliż li tilef ħajtu wara li f’April tas-sena li għaddiet il-jott li kien fuqu inqata minn mal-irmiġġ, x’aktarx kawża tal-maltemp qawwi li kien ħakem lill-pajjiżna. Aktar tard, fis-sajf, Tork tilef ħajtu wara li qabeż fil-baħar u spiċċa fuq il-blat fl-akwati ta’ Tigné.
L-inċidenti f’residenzi jew ħwienet, is-sena l-oħra ammontaw għal disa’, li jvaraw minn anzjani li waqgħu fir-residenzi tagħhom u rġiel li kienu qed jagħmlu xi xogħol ta’ manutenzjoni.
Il-kamra tal-aħbarijiet irrapportat 12-il inċident ieħor bl-aktar wieħed riċenti kien l-isplużjoni tal-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop, li ħasad il-ħajja ta’ raġel ta’ 64 sena mill-istess lokalità. L-isplużjoni kienet inħasset min-numru ta’ lokalitajiet fil-madwar.
Ix-xahar ta’ Settembru kien l-aktar wieħed li matulu ġew irrapportati fatalitajiet, fil-fatt, fit-12 ta’ Settembru ġew irrapportati żewġ inċidenti li ħasdu l-ħajja ta’ żewġt irġiel; filwaqt li f’Jannar u f’Diċembru ġew irraportati l-inqas.
Il-jum tat-Tlieta kien l-aktar jum li fih ġew irrapportati dawn l-aħbarijiet sfortunati, isegwu il-jiem tal-Erbgħa u s-Sibt.